“Jekk ma noqogħdux attenti l-Lassana Cisse’s se jiżdiedu”

Żewġ letturi fl-Universita ta’ Malta qed jesprimu tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni u l-impatt li din qed ikollha fuq il-mod kif iħarsu lejn l-immigranti ċ-ċittadini ta’ pajjiżna.

Dan is-sit ħa l-kummenti ta’ Dr Simon Mercieca u l-Professur Andrew Azzopardi dwar dan il-fenomenu li għalkemm mhux ġdid reġa’ kien fuqnett tal-aġenda tal-pajjiż wara l-każ tad-dgħajjes ‘il barra minn Malta li fuqhom inżammew għal madwar erba’ ġimgħat madwar 400 immigrant.

Dr Mercieca beda biex semma kif il-preżenza tal-immigranti fuq dgħajjes tal-Captain Morgan ġab tħassib u għalkemm wieħed jifhem il-preokkupazzjoni tal-Gvern minħabba raġunijiet ta’ saħħa, f’dawn iż-żminijiet tal-Covid19, il-fatt li żamm lil dawn l-immigranti fi kwarantina 13-il mil barra minn xtutna ġab miegħu diskussjoni aktar u aktar meta dawn l-istess dgħajjes mhumiex maħsuba biex iżommu nies fuqhom b’mod permanenti għal numru ta’ jiem. 

Huwa sostna li d-diskussjoni dwar l-immigrazzjoni, li qed insejħulha irregolari, qiegħdha tikber u magħha qed jikber s-sentiment f’pajjiżna kontra l-immigranti. 

“Dan hu fattur li jitlob diskussjoni. L-argument tiegħi imur lilhinn mid-diskors ta’ timbru razzista jew faxxista li jingħata lil kull minn jitkellem kontra l-immigrazzjoni. Nixtieq nistaqsi għaliex is-sentimenti kontra l-immigranti qed jikber meta matul dawn l-aħħar snin il-wasla ta’ dawn l-immigranti rregolari naqqset u mhux żdiedet?”.

Dr Mercieca irrimarka li normalment meta jinżel in-numru tal-immigranti kellha tinżel ir-rabja jew il-biża’ lejn dawn l-istess immigranti imma għalkemm illum qed jaslu inqas immigranti irregolari milli kienu jaslu qabel is-sentiment ta’ biża’ żdied u rridu naraw għaliex.

Mill-aspett morali huwa semma kif kulħadd jiddispjaċih għal dawn in-nies, irrispettivament mill-isfond soċjali tagħhom, u anke saħaq li mhux sew li qed jiġu deportati speċjalment jekk ma hemmx raġuni valida għala dawn għandhom jitkeċċew minn pajjiżna.

“Biss huwa wkoll moralment ġust li wieħed ikollu rendikont ta’ kull immigrant li jidħol f’Malta. Fil-imgħoddi, l-immigrazzjoni tal-massa kienet suċċess għaliex kienet marbuta ma’ kollaborazzjoni bejn l-istat li qed jibgħat u dak li qed jirċievi nkluż dwar in-nies li qed jaslu. Din il-kollaborazzjoni llum ma teżistix. B’hekk ma’ nies ‘per bene’ u b’intenzjoni tajba qed jaslu mingħajr kontroll nies b’intenzjonijiet inqas tajba u kriminali”. 

Dr Mercieca saħaq li jkun dan l-aħħar aspett li finalment se jirbaħ f’moħħ il-poplu għaliex dan se jwassal għall-formazzjoni ta’ gangs kriminali kif fil-fatt ġa ġara waqt li semma wkoll l-isfruttar ta’ dawn l-immigranti fil-qasam tax-xogħol li mhux qed ikun ikkontrollat.

Huwa irrefera wkoll għall-aspett finanzjarju marbut mal-immigrazzjoni fejn semma li f’dan il-każ l-ewwel mistoqsija li trid issir hija kemm qed tiġina tiswa din il-preżenza tal-immigranti għall-pajjiżna, x’inhi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Ewropa lejn din iż-żamma u kemm hija l-kontribuzzjoni tagħna fil-verità.

Dwar l-aspett politiku Dr Mercieca semma kif l-Ewropa qed tagħti ħafna flus u litteralment qed tarmi l-flus lil numru ta’ organizzazzjonijiet, hekk imsejħa NGOs, biex dawn litteralment spiċċaw kif jissejħu bl-Ingliż ‘protected buddies’.

“Dawn għandhom l-aġenda tagħhom li jiddispjaċini ngħid m’għadhiex aktar umana iżda finanzjarja u politika. Prova ta’ dan hu r-rapport ta’ inkjesta tal-Magistrat Joe Mifsud. Hu rapport professjonali, serju u bla kantunieri. Fih ħareġ ċar li hemm abbużi serji minn NGOs f’dak li qed jissejjaħ salvataġġ ta’ fuq il-baħar. Jiddispjaċini ngħid, dan qed inaqqas il-fiduċja tan-nies fl-immigrazzjoni u jdawwar dan is-salvataġġ f’paraventu għall-ħidmiet kriminali”. 

Dwar l-UE huwa jsostni li hu naturali li s-sentimenti kontra l-Ewropa qed jikbru f’pajjizna għax f’din il-kwistjoni kollha l-UE qed tidher li qed tisfrutta lil Malta. 

“Is-sentiment tan-nies, u anke tiegħi, huwa li l-UE qiedha taħsel idejha bħal Pilatu minn din il-kwistjoni. Fuq livell politku, dan qed iwassal għal sitwazzjoni diżastruża. Dan kollu qed jagħmel lill-Ewropa jew Brussell aktar u aktar irrelevanti. Anzi l-UE qed issir aktar irresponsabli fl-imġieba tagħha”.

Dr Mercieca sostna li b’hekk din l-immigrazzjoni ħolqot qasma bejn il-pajjiżi Ewropej infushom u semma kif huma dawn il-pajjiżi l-kbar u l-interessi tagħhom li qed iġibu problemi diplomatiċi u taħwid fl-Ewropa. Dan qed iwassal biex toħroġ fil-beraħ il-mibegħda li teżisti bejn numru ta’ pajjiżi Ewropej infushom. 

Huwa żied li jekk wieħed irid prova ta’ dan għandu jħares lejn il-Libja fejn semma kif l-Ewropa mhix kapaċi iġġib il-paċi fil-Libja u żied li fil-verita hemm wisq interessi wara din l-immigrazzjoni li llum hija għaddejja mil-Libja. 

“Minbarra l-interessi tal- NGOs, hemm interessi ta’ dawk li qed jixtru ż-żejt mil-Libja biex ibiegħuh u dawk li qed ibiegħu l-armi lil-Libja. Min qiegħed f’dan in-negozju għandu interess dirett f’din l-immigrazzjoni biex din tibqa’ għaddejja. Jekk xejn taljena d-diskussjoni minn fuq dan in-negozju illegali u l-ġenoċidju li għaddej fil-Libja minħabba dan l-istess nogozju”. 

Dr Mercieca kompla li minn meta nqatel Ghaddafi mill-Amerika ta’ Obama u Clinton il-Libja baqgħet ma sabitx sliem u żied li hemm min għandu interessi biex f’dan il-pajjiż ma jkunx hemm il-paċi u gvern stabbli. Skont hu, dak li qed jiġri fil-Libja u ħadd mhu jitkellem dwaru huwa l-ġenoċidju li hemm. 

Dwar x’jaħseb li għandu jsir huwa sostna li dan hu sempliċi u kulħadd jaf x’inhu waqt li elabora li l-fatt li din l-immigrazzjoni ġejja minn pajjiżi tas-Sub-Sahara jeħtieġ li n-nies ta’ dan ir-reġjun jiġu edukati ħalli jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu f’arthom.

Min-naħa tiegħu, il-Professur Azzopardi sostna li għalkemm in-narrattiva u l-kuntest soċjo-politiku bejn Malta u l-Istati Uniti huwa differenti (fl-isfond tal-qtil ta’ George Lloyd u l-protesti li qamu) madankollu l-għerq tar-razziżmu huwa l-istess jiġifieri l-biża, in-nuqqas ta’ djalogu, in-nuqqas ta’ strateġija u ‘policy’ ta integrazzjoni. 

“Jekk mhux ħa noqogħdu attenti r-razziżmu f’Malta jirriskja jsir istituzzjonalizzat. U hemm ikollna ħerba ta’ vera. Għadna biċ-ċans biex id-dijalettika politika tkun konsistenti mad-drittijiet umani, mad-drittijiet ċivili u mar-responsabilitajiet nazzjonali u internazzjonali li għandna. Għadna biċ- ċans jekk nagħtu lok biex f’pajjiżna nużaw l-iskejjel u l-edukazzjoni informali biex nedukaw u nħarrgu u nqarrbu lin-nies lejn xulxin”. 

Il-Professur Azzopardi żied li rridu wkoll mexxejja politici, reliġjuzi u soċjali biex jitkellmu mingħajr ma jużaw diskors “ikkriptjat” u jkun konsistenti mal-valuri li jagħmlu x-xewka ta’ dan il-pajjiz waqt li semma kif dak li ġara fl-Istati Uniti għandu jfakkarna fit-traġedji razzjali li kellna f’pajjiżna nkluż bil-qtil ta’ Lassana.

Huwa żied li l-imsemmi qtil għandu jkun ukoll xprun biex nuru li aħna nistgħu nkunu aħjar minn hekk billi ma nżommux nies f’detenzjoni kontra l-ligi, ma nħallux nies f’nofs ta’ baħar biex nimpikaw mal-UE u biex nużaw id-diplomazija ħalli nġibu lill-Ewropa tifhimna. 

“Ejjew niftakru, fost kollox, li dawk huma nies bi storja ta’ tbatija u ħafna minnhom jistħoqqilhom l-għajnuna tagħna. Kif aħna sibna l-għajnuna meta rrikorrejna ghaliha fl-imgħoddi”.

Il-Professur Azzopardi żied li veru li huwa ħażin theddid bi vjolenza u l-vjolenza fiha nnifisha imma anke li nghattu x-xemx bl-għarbiel u irrimarka kif l-iktar ħaġa faċli ghall-politiċi hija li nuzaw dijalettika li terga’ tikkriminalizza nies li kienu fuq dghajsa għal 40 jum, jaqilgħu l-baħar ġo fihom u ftit jafu x’ħa jiġri minnhom. 

Fl-isess waqt semma kif naturalment l-Oppożizzjoni tipprova tirkeb xi ftit fuq il-karru anke jekk hi kienet li ċapċpet lill-Gvern ta’ Muscat fl-2018 meta wkoll ħalla nies f’nofs ta’ baħar.

“Allura skużani imma lanqas l-Oppożizzjoni m’għandha xi jedd morali jew sagrosant li tpoġġi fuq l-għolja onorabbli. M’ghandhix dritt titkellem jew tikkritika lill-Gvern għax is-saħħa fit-tmexxija hija meta d-diskors isir kif għandu jsir u mhux skond fejn hu l-angolu tal-camera. Ilna nitrattaw lis-suwed b’dan il-mod. F’moħħna huma speci inqas għal ħafna minna. Nikkonsidrawhom tas-sekonda klassi fejn l-mannara lesta biex tinżel fuqhom jagħmlu x’jagħmlu u jkun qed jiġrilhom xi jkun qed jiġrilhom”.

Huwa żied li fil-pajjiż spiċċajna biex ħloqna sistema ta’ dik li sejjaħ bħala “krimigrazzjoni” fejn l-immigrazzjoni u t-talba għall-għajjut saret att ta’ kriminalita’ u fejn in-narrativa ta’ swied il-qalb, ta’ tbatija, ta’ uġiegħ u ta’ disprament tittrasforma ruħha f’pika jew turija ta’ id soda. 

Il-Professur Azzopardi kompla li qed nintlew b’rabja ġo fina lejn dawn il-persuni għax ninsew li l-faqar u l-esklużjoni ħolqu fihom sens ta’ ġenn bħalma ninsew li meta tiġi pinġut darba wara l-oħra bħala skart tas-socjeta’ tibda titlef l-iskop tal-ħajja. 

“Ninsew li s-sistemi soċjali tagħna jiżvantagġjaw din il-minorità li qed taħrab mit-terrur. Minflok insiru komdi nilbsu kappestru u nerġgħu għal darb’oħra niddisprezzawhom. Qabel m’aħna se niftakru li dawn il-persuni huma nies tad-demm u l-laħam jibqghu biss komodita’ konvenjenti biex jiġbrulna ż-żibel, iseftrulna bla waqfien, li jimsħulna l-ħmieġ uman għax fl-isptarijiet m’hemm ħadd iktar li lest jagħmel dan ix-xogħol u jiġbru ż-żibel għax m’hemm ħadd”.

Il-Professur Azzopardi żied ukoll li dawn in-nies saru biss problema meta jfettlilna u wissa li jekk mhux ħa noqghodu attenti l-Lassana Cisse’s se jiżdiedu. 

Share With: