Jerġa’ jibda x-xogħol fuq in-Notre Dame

It-tindif u r-restawr minħabba ħsarat estensivi kkawżati f’nirien is-sena l-oħra kellu jieqaf minħabba l-lockdown tal-Covid-19

Minn CARMEN CACHIA

Ix-xogħol ta’ tindif u restawr tant mistenni tal-Katidral famuż Notre Dame, f’Pariġi se jkompli nhar it-Tnejn li ġej wara li dan kellu jitwaqqaf għall-perjodu ta’ lockdown minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Is-sena l-oħra dan il-ġojjell tal-arkitettura Gotika nħakem min-nirien devastanti u l-Gvern ta’ Macron wiegħed li se jagħmel minn kollox biex jirranġah. Miegħu ngħaqdu għadd ta’ kumpaniji u persuni sinjuri biex jiġbru fondi għax-xogħol estensiv li hemm bżonn isir. 

In-nirien fin-Notre Dame seħħu fil-15 ta’ April, 2019 minħabba ħsara fis-sistema tal-eletrriku. L-aktar li nqered kien is-saqaf tal-injam ta’ dan il-Katidral li kien wieħed mill-preġji ta’ din l-istruttura unika. Popli madwar id-dinja segwew imbikkma l-filmati tan-nirien jeqirdu lill-Katidral antik 850 sena. 

Għadd ta’ kumpaniji u familji sinjuri Franċiżi, wegħdu li se jagħtu donazzjonijiet bil-miljuni biex in-Notre Dame jerġa’ jikseb is-sbuħija li għamlitu famuż f’dawn is-sekli fejn miljuni ta’ turisti ta’ kull sena kienu jmorru biex jaraw il-meravilji li fih u dan b’mod speċjali t-twieqi kbar tal-istainedglass “Rose”.

It-total ta’ donazzjonijiet għax-xogħol fin-Notre Dame, li huwa maqsum fuq pjan ta’ ħames snin, huwa rrapportat li laħħaq is-somma sabiħa ta’ biljun Ewro. €645 miljun minnhom ingħataw minn familji sinjuri u kumpaniji kbar Franċiżi fosthom l-LVMH, L’Orèal u Apple.

Ix-xogħol delikat fuqu huwa mmexxi minn grupp ta’ tmien xjenzati li ntgħażlu apposta mill-Ministeru tal-Kultura Franċiż. Ħaddiema marbuta bi ħbula se jitbaxxew lejn il-fdalijiet maħruqa tal-iscaffolding li dagħab fuq in-naħa ta’ fuq tal-Katidral. Dan huwa l-bidu tax-xogħol delikat li mistenni jsir, fejn huwa kkalkolat li hemm bżonn jiżżarmaw madwar 200 tunellata ta’ ħadid. Ix-xogħlijiet mistennija li jibqgħu għaddejjin matul is-sajf kollu.

Żewġ gruppi b’ħames ħaddiema l-wieħed se jinżlu b’mod ikkordinat bil-ħbula fl-istruttura mdewba magħmula minn 40,000 biċċa. Dawn il-biċċiet ta’ metall huma mistennija li, ladarba jinqatgħu, jittellgħu bi krejn.

Il-ħaddiema kienu ilhom ix-xhur isaħħu l-bini maħruq ta’ Notre Dame bi strutturi oħra tal-metall bil-għan li jkunu jistgħu jaħdmu fih mingħajr il-periklu li jiġġarraf. 

Minħabba l-ħsarat li sofra, in-Notre Dame de Paris huwa magħluq u dan mistenni li jibqa’ hekk għal numru ta’ snin sakemm jitlesta r-restawr kollu.

Share With: