Jingħata l-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ tliet serqiet

Ġuvni ta’ 26 sena minn Ta’ Xbiex li kien qed jinżamm arrestat b’rabta ma’ tliet serqiet li seħħew f’Diċembru li għadda, ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Daniele Aquilina kien tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li fis-17 ta’ Diċembru 2019 seraq minn ġewwa l-CKC Cafè li jinsab fi Tirq Abate Rigord, Ta’ Xbiex, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha u kellu fil-pussess tiegħu sikkina. 

Huwa kien mixli wkoll li pprova jisraq minn fuq mara u li kkaġunalha ġrieħi ħfief, u li kkommetta serq ta’ handbag minn Triq Manoel De Vilhena l-Gżira. 

Akkużi oħra miġjuba kontrih jgħidu li għamel użu ħażin minn vettura li ġiet fdata lilu, li kiser il-provvedimenti ta’ sentenza sospiża mogħtija lilu b’sentenza f’Jannar 2016 u li kiser ordni ta’ probation.

F’seduta li nżammet ix-xahar li għadda, l-Ispettur Colin Sheldon spjega kif mobile li sabu taħt karozza wassal lill-Pulizija biex jarrestaw liż-żagħżugħ u li aktar tard xlewh li kien wettaq tliet serqiet.

X’ħin il-Pulizija kienu marru fi Triq Manoel de Vilhena, l-Gżira, wara li daħlilhom rapport li mara sfat aggredita minn persuna li ħatiflha l-handbag bil-għerra u ħarab, sabu li l-allegat ħalliel kien waqagħlu l-mobile u li ġie taħt karozza. 

Minn eżamijiet li saru fuqu, rriżulta li l-mobile kien tal-imputat Daniele Aquilina. Wara li seħħ dan l-inċident, il-Pulizija kienu nfumati b’żewġ każi oħra ta’ serq li kienu seħħew f’Ta’ Xbiex. 

It-Tnejn, il-Maġistrat Nadine Lia tat liż-żagħżugħ il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Colin Sheldon. L-Avukat David Gatt deher għal Daniele Aquilina.

Share With: