Jitlesta t-tħaffir għaż-żewġ mini li qed jinbnew f’Santa Luċija

Ritratti: ROGER AZZOPARDI

Infrastructure Malta lestiet it-tħaffir għall-bini taż-żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, hekk kif il-ħaddiema kissru l-aħħar medda ta’ blat li kien jifred Triq Tal-Barrani minn Vjal Santa Luċija, tul ir-rotta ewlenija lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta. 

Dan il-proġett jinkludi t-tħaffir u l-bini ta’ żewġ mini taħt ir-roundabout, biex jgħaqqdu direttament il-karreġġjati lejn in-nofsinhar u t-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata) ma’ Triq Tal-Barrani. Fuq dawn il-mini, se ssir roundabout ġdida b’disinn ġdid li jipprovdi aċċess eħfef u aktar sigur lir-residenti ta’ Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid b’disinn imtejjeb tal-mogħdija għall-ġiri (jogging track) li hemm fil-viċinanzi, titjib tas-subway ta’ Triq tal-Barrani biex tkun aċċessibbli wkoll għaċ-ċiklisti u persuni b’diżabilità, kif ukoll passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti li se jgħaqqad Santa Luċija mal-Marsa.

Minkejja l-limitazzjonijiet ikkaġunati minħabba l-Covid-19 aktar minn 60% ta’ dan il-proġett issa huwa lest, u Infrastructure Malta xorta qed timmira li tlesti x-xogħlijiet kollha li għad fadal sal-aħħar tas-sena, kif ippjanat oriġinarjament. Il-kuntratturi tal-proġett qattgħu aktar minn 80,000 tunnellata ta’ blat minn fejn se jsiru l-mini twal 90 metru. 

Infrastructure Malta qed tuża 398 panew tal-konkos biex tifforma l-ħitan tal-mini li se jwasslu lejn direzzjonijiet opposti, inkluż l-istruttura li tifridhom fin-nofs. S’issa diġà tpoġġew f’posthom 299 panew, u issa li tlesta x-xogħol kollu tal-iskavar, il-bqija se jitqiegħdu f’posthom fil-ġimgħat li ġejjin. 

Minn meta beda l-proġett f’Lulju tal-2019, il-ħaddiema ffurmaw iż-żewġ rampi ta’ 130 metru li jgħaqqdu Vjal Santa Luċija u Triq Tal-Barrani mal-mini. Mal-ġnub ta’ dawn ir-rampi, ibnew ukoll erba’ tlajja u nżul li se jwasslu għar-roundabout ġdida fuq il-mini, biex jgħaqqdu ż-żewġ toroq mal-qalba ta’ Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u Santa Luċija. Dawn it-toroq bħalissa qed jintużaw bħala rotot għal devjazzjonjiet temporanji, sakemm jitlesta l-bini tal-mini. 

Matul l-aħħar ftit xhur, il-ħaddiema bnew ukoll mina doppja li wieħed jista’ jgħaddi minnha (walk-through culvert) twila 1.1 kilometru, li testendi minn Triq Tal-Barrani lejn Vjal Santa Luċija biex tingħaqad ma’ mini simili li qegħdin isiru taħt il-flyovers tal-Marsa Junction Project. Minn ġo dawn il-mini se jgħaddu l-cables ta’ waħda mill-konnessjonijiet ewlenin tax-xibka tad-distribuzzjoni tal-elettriku. 

Infrastructure Malta qed tibdel ukoll medda ta’ pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-ilma, li hemm għaddejja taħt l-art fiż-żona, u tpoġġi wkoll diversi kilometri ta’ pajpijiet għas-servizzi tal-Internet, sistemi elettroniċi għal-immaniġġjar tat-traffiku u servizzi oħrajn ta’ telekomunikazzjoni. Qed jinbnew ukoll ġibjuni ġodda u 2.7 kilometri ta’ katusi għall-ġbir tal-ilma tax-xita biex jintuża għat-tisqija tal-inħawi ġodda li se jkunu bis-siġar fil-madwar.

Il-passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti ta’ madwar kilometru ta’ dan il-proġett se jifforma parti minn rotta ferm itwal u sigura li se jkun hemm għar-roti f’din iż-żona, u li se tgħaqqad Ħal Luqa, Santa Luċija, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Marsa u Ħal Qormi. L-ewwel parti minn din ir-rotta fiż-żewġ direzzjonijiet ġiet iffurmata bħala parti mill-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa, biswit Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija. Bil-proġett tal-mini f’Santa Luċija, Infrastructure Malta se testendi din ir-rotta tul il-karreġġjata tat-tramuntana fi Vjal Santa Luċija sal-Marsa, fejn qed jinbnew korsiji oħrajn għar-roti maqtugħin mit-triq u mina (underpass) għall-mixi u r-roti bħala parti mill-Marsa Junction Project. 

Il-proġett tal-bini tal-mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija jagħmel parti mill-investiment fit-tul li qed isir fir-rotta prinċipali bejn in-naħa t’isfel u ċ-ċentru ta’ Malta, li testedni minn Pembroke u San Ġiljan sa Birżebbuġa. Dan jinkludi titjib f’toroq arterjali oħrajn tul din ir-rotta, bħalma huwa l-bini mill-ġdid ta’ Triq Diċembru 13 u l-Marsa-Ħamrun Bypass fl-2018, il-bini mill-ġdid ta’ parti minn Triq Reġjonali, il-Pont tal-Wied tal-Imsida u Triq Ħal Luqa fl-2019, kif ukoll il-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas aktar kmieni din is-sena, u dawk li qegħdin isiru bħalissa biex jinbnew konnessjonijiet ġodda bejn il-Marsa-Ħamrun Bypass u nħawi oħrajn fil-viċin u s-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project. Dan in-netwerk ta’ toroq arterjali se jkompli jiġi mtejjeb ukoll bi proġetti oħrajn li diġà hem ippjanati bħalma huwa dak tal-mini ġodda tal-Pembroke-St. Julian’s Connections Project, Msida Creek Project, il-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) fil-Gudja u Luqa Junction Project.

Il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija huwa parzjalment finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea. 

Għal aktar tagħrif u għajnuna, żur www.infrastructuremalta.com, jew ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, info.im@infrastructuremalta.com jew fuq Facebook, Twitter u Instagram.

Share With: