José Callejon viċin Valencia

L-attakkant internazzjonali Spanjol, Jose Callejon, iddeċieda li jirrifjuta kuntratt ġdid ma’ Napoli biex imur jilgħab fi Spanja ma’ Valencia. Dawn tal-aħħar jidhru li rebħu l-kompetizzjoni ma’ Sevilla biex jippruvaw jakkwistawh.

Callejon, li għandu 33 sena, se jintemmlu dan il-ftehim mal-Partenopei fil-ġimgħat li ġejjin. F’dawn l-aħħar xhur kemm ilu li l-logħob kien wieqaf minħabba l-pandemija tal-Covid-19, l-attitudni tal-player inbidlet xi ftit u għalhekk kien jidher biċ-ċar li mhux interessat li jtawwal iż-żmien tiegħu fi Stadio San Paolo.

Huwa rrappurtat li Callejon irid jibda avventura ġdida wara seba’ snin jilbes il-flokk ċelesti tal-club fejn fihom lagħab 336 partita filwaqt li skorja 80 goal u wettaq 77 assist.

Fattur importanti li ġiegħel lil Callejon jieħu din id-deċiżjoni kien in-nuqqas ta’ partiti li lagħab matul dan l-istaġun fejn il-coach Gennaro Gattuso ftit inkludieh fl-ewwel 11 tat-team.

Share With: