José Mourinho frustrat għax ma setax jilgħab lil Dele Alli
Hekk kif Tottenham u Manchester United temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 1-1, wara l-partita l-coach ta’ Tottenham, José Mourinho, sostna li kien jinsab xi ftit frustrat li ma setax jilgħab lill-player Ingliż ta’ nofs il-ground, Deli Alli, għal din il-partita.
Alli kien sospiż għal din l-ewwel logħba li ntlagħbet wara li f’Marzu li għadda huwa għamel ġest immatur li spiċċa ġie segwita minn ħafna segwaċi tal-internet.
F’video li tella’ f’Marzu li għadda Alli deher jiffilmja raġel li kien qed jagħtas u dan beda jgħid li kien infettat bil-coronavirus. Il-mod ta’ kif tkellem kien wieħed ferm ironiku. Dan kollu xejn ma niżel tajjeb mal-FA Ingliża li ddeċidiet li tissospendih għall-ewwel partita wara l-waqfa kontra r-Red Devils.
Mourinho qal li kien hemm players li għamlu agħar minn hekk u li xorta ma weħlu xejn speċjali.
Aktar tard Alli skuża ruħu bil-filmat li tella’ u ammetta li ma kienx qed jaħseb li se jiġi interpretat ħażin.