Jude Bellingham jagħżel lil Borussia Dortmund minn Manchester United

L-istilla ta’ Birmingham, Jude Bellingham, jinsab lest li jiċħad iċ-ċans li jingħaqad ma’ Manchester United u minflok jiffirma ma’ Borussia Dortmund.

Bellingham igawdi rispett kbir mill-manager ta’ Man Utd Ole Gunnar Solsjaer u s-sidien tal-club minn Old Trafford, li jarawh bħala pedina importanti potenzjali għal nofs il-ground għad-deċenju li ġej.

Dan il-player li għad għandu biss 16-il sena lagħab fil-midfield ċentrali, fuq ix-xellug anke fuq il-lemin, waqt li ġie utilizzat ukoll bħala attakant.

Ir-Red Devils taw lil dan il-player u lill-familja tiegħu tour tat-training ground ġewwa Carrington mal-ex manager leġġendarju, Sir Alex Ferguson, hekk kif komplew jipperswaduh biex jingħaqad magħhom.

Iżda kollox qed jindika li Bellingham mhux se jkun qed jaċċetta l-offerta ta’ Man Utd u minflok isieħeb lil Borussia Dortmund fil-Ġermanja fejn hemmhekk jingħaqad ma’ player żagħżugħ ieħor Jadon Sancho u flimkien jifformaw koppja b’futur mill-isbaħ quddiemhom.

Din l-aħbar xejn ma niżlet tajjeb mal-partitarji ta’ Manchester Utd b’bosta minnhom jippontaw subgħajhom lejn iċ-chairman Ed Woodward bħala l-kawża ewlenija għaliex dan it-trasferiment sfaxxa fix-xejn.

Share With: