Juventus l-ewwel team fil-finali tal-Coppa Italia

Juventus saru l-ewwel team finalista tal-Coppa Italia meta fl-Allianz Stadium ta’ Turin spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals kontra AC Milan. It-team immexxi minn Maurizio Sarri kkwalifika għal din il-finali bir-regola tal-goals away jgħoddu doppju wara li fl-ewwel leg, li ntlagħab fi Frar li għadda, kienu spiċċaw fi draw ieħor, din id-darba ta’ 1-1.

Din il-logħba kienet tfisser it-tkomplija tal-istaġun tal-football fl-Italja wara waqfa ta’ madwar tliet xhur. Kienet partita ferm monotona biż-żewġ naħat dehru ferm ‘il bogħod mill-forma tipika tagħhom qabel il-waqfa sfurzata minħabba l-pandemija tal-Covid-19. 

Fis-16-il minuta, Juventus ingħataw penalty mir-referee Daniele Orsato wara li d-difensur ta’ Milan Daniele Conti deher imiss il-ballun b’idu.

Mill-11-il metru kien Cristiano Ronaldo li ra l-ballun jistampa ma’ sieq il-lasta biex falla milli jpoġġi lit-team tiegħu fil-vantaġġ. Għall-attakkant Portugiż żgur li ma kinitx l-aħjar wirja tiegħu meta ftit deher preċiż quddiem il-lasti avversarji. 

Minuta wara, ir-Rossoneri spiċċaw b’għaxra min-nies bit-tkeċċija ta’ Ante Rebic wara daħla ferm kerha fuq Danilo.

B’Milan  li għamlu ħafna mill-partita bi player inqas, il-partita ftit ħolqot eċċitament ….  bil-goalkeeper ta’ Juventus, Gianluigi Buffon, rari kien impenjat u fuq in-naħa l-oħra Gianluigi Donnarumma żamm it-team tiegħu fil-partita.

Bir-riżultat sat-tmiem jinbidilx, Juventus għaddew għall-finali li se ssir fi Stadio Olimpico ta’ Ruma nhar l-Erbgħa li ġej kontra min jgħaddi mis-semi-finali tal-lum bejn Napoli u Inter.

Share With: