Kulħadd f’Postu! It-Teatru Manoel Jarma l-Palk għan-Normalità l-Ġdida

It-teatru nazzjonali ferm għażiż għall-Maltin qed iħejji biex jerġa’ jibda jilqa’ l-udjenzi fi ħdanu, bil-COVID-19 fl-isfond

It-Teatru Manoel fil-Belt Valletta qed jipprepara biex mill-ġdid jilqa’ l-udjenzi b’mod sikur hekk kif ir-restrizzjonijiet marbutin mal-imxija globali tal-COVID-19 qed jiġu merħija bil-mod il-mod.

Għalkemm ilu magħluq minn nofs Marzu fl-eqqel tal-kriżi tal-COVID-19, it-teatru madankollu żamm l-essenza tiegħu ħajja, l-aktar permezz ta’ inizjattivi innovattivi online.

Kull ġimgħa, is-Serje Streaming kienet qed ixxandar, esklussivament fil-paġna tat-teatru fuq Facebook, waħda mid-diversi opri, drammi, musicals u kunċerti li kienu ttellgħu preċedentement fit-teatru. Dawn l-avvenimenti awtentiċi, bħallikieku teatru online, kienu wkoll ikkomplimentati minn #StreamTalks, fejn il-kast u l-crew kienu jaqsmu l-esperjenzi tal-ħidma tagħhom fuq dik il-produzzjoni.

“Id f’id mas-Serje Streaming u #StreamTalks, li t-tnejn li huma ntlaqgħu tajjeb ħafna, komplew mingħajr waqfien diversi proġetti u tagħlim ieħor li kien għaddej, kollox b’mezz diġitali,” spjega Kenneth Zammit Tabona, Direttur Artistiku tat-Teatru Manoel. “Barra minn hekk it-teatru approfitta ruħu minn dan l-intervall impost billi kompla x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u restawr.”

It-teatru ssokta jimraħ aktar fid-dinja online b’inizjattivi ġodda bħall-Intervisti Teatru Manoel fejn artisti prominenti qasmu l-esperjenzi tagħhom, u l-Monologi ta’ Shakespeare fejn atturi solo rreċtaw uħud mill-aqwa xogħlijiet ta’ “The Bard”. Iż-żewġ proġetti issa se jitkomplew kemm online kif ukoll fiżikament fuq il-palk tal-Manoel, waqt li d-distanzjar soċjali u prekawzjonijiet oħra se jibqgħu jiġu osservati.

Bl-istess mod, il-programm popolari Toi Toi tkompla online mingħajr ma waqaf, u dan permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ konsulenti artistiċi u professjonisti lokali kif ukoll biż-żieda ta’ soluzzjonijiet inventivi biex tiġi mħarsa l-kwalità interattiva li għaliha Toi Toi hu rinomat.

Waqt li t-Teatru Manoel qed jipprepara biex jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu, qed tingħata prijorità lis-sikurezza tal-kast, il-crew u l-udjenza li se tintlaqa’ fih matul in-‘normalità l-ġdida’ ta’ wara l-pandemija COVID-19.

“Fil-bidu r-regolamenti rigward dak li stajna nagħmlu fit-teatru kienu strinġenti ħafna, imma issa dawn qed jiġu merħija uffiċjalment bil-mod il-mod, u għaldaqstant qed nibqgħu flessibbli u nadattaw hekk kif tidħlilna informazzjoni ġdida mill-awtoritajiet,” kompla s-Sur Zammit Tabona. “B’dispjaċir ngħid li xogħlijiet drammatiċi bħalissa mhumiex fattibbli għax l-atturi ma jistgħux jinteraġixxu fiżikament, imma qed neħduha ġurnata b’ġurnata bit-tama li l-pandemija titlef is-saħħa tagħha u tħallina niffunzjonaw bħala tempju tal-arti għal darb’oħra.”

Il-limitazzjonijiet relatati mal-COVID għad jista’ jkollhom effett indirett fuq l-istaġun teatrali li ġej, kif ukoll fuq il-ferm mistenni Festival Barokk ta’ kull sena, li għandu jsir f’Jannar 2021, però s-Sur Zammit Tabona għandu qalbu qawwija. “Minħabba li s-sitwazzjoni fir-rigward tal-pandemija għadha qed tinbidel rapidament, impossibbli tbassar kif għad tolqot l-istaġun teatrali li ġej,” spjega. “Madankollu, ippjanajna numru ta’ wirjiet bħal kunċerti tal-pjanu, musica da camera, u kunċerti tal-jazz, lieder u operatiċi li jistgħu jittellgħu hekk kif ikunu permissibbli. Il-Festival Barokk għandu jkun aqwa minn qatt qabel jekk jitħalla jsir.

“U forsi dalwaqt għad ikun hemm dramm – nittama li opra – dwar ‘Il-Ħajja fi Żmien il-Coronavirus’, li nkunu nistgħu ntellgħuh fuq il-palk bħala produzzjoni Teatru Manoel meta jkun possibbli!”

Share With: