“Kull min mhuwiex nadif tazza għandu jwarrab biex inaddaf ismu”; Thake jimplika li Delia għandu jwarrab biex inaddaf ismu

“Kull min mhuwiex nadif tazza għandu jwarrab biex inaddaf ismu.” Hekk qal id-Deputat Nazzjonalista David Thake wara li ta x-xhieda tiegħu fl-inkjesta maġisterjali dwar l-allegazzjonijiet li uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista rċevew flus biex ixekklu lil David Casa milli jerġa’ jiġi elett fil-Parlament Ewropew.

F’kummenti lill-ġurnalisti Thake saħaq li sena ilu waslitlu informazzjoni taħt ġurament li kienet saret offerta lill-Partit Nazzjonalista li tammonta għal €50,000 biex Casa ma jiġix elett fil-Parlament Ewropew. Fl-istess waqt Thake tenna li l-informazzjoni li kien irċieva mhijiex l-istess bħalma xehed l-eks-Chief of Staff Keith Schembri u l-allegazzjonijiet li qed issir mill-midja tal-Partit Laburista li qed jisħqu li tħallset somma flus lil persuna speċifika, jiġifieri lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, bi Pierre Portelli – l-eks-Kap tal-Komunikazzjoni tal-PN – jirċievi pagamenti b’mod regolari biex jgħaddihom lill-PN.

Intant mistoqsi jekk jemminx li Delia għandu jwarrab, Thake tenna li mhux se jkun hu li jgħid lil Delia x’għandu jagħmel. Madankollu emfasizza li l-politika qiegħda hemm biex isir ġid lin-nies u għaldaqstant kull min ismu mhuwiex “nadif tazza” jwarrab biex ikun jista’ jipprova l-kontra.

Thake temm jisħaq li l-politika mhix post għal dawk in-nies li fil-konfront tagħhom hemm allegazzjonijiet li jkunu qed isiru b’mod persistenti u li jqajmu dubji kbar.

Share With: