Kumitat parlamentari Ingliż jisfida lill-gvern biex isolvi l-kwistjoni dwar materjal tal-kisi perikoluż f’binjiet residenzjali

Minn MELVIN FARRUGIA

Hekk kif riesaq it-tielet anniversarju minn meta kien qabad it-torri residenzjali ta’ Grenfell, jidher li għad hemm mal-2,000 binja oħra residenzjali li għadhom fir-riskju minħabba materjal tal-kisi li hu perikoluż. 

Dan jirriżulta minn rapport tal-Kumitat Parlamentari Ingliż għall-Akkomodazzjoni, il-Komunitajiet u l-Gvern Lokali. Fir-rapport jingħad li l-konsegwenza ta’ dan in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern Ingliż qed ikun wieħed devastanti fuq is-sidien tal-proprjetajiet li mhux qed ikunu jistgħu jbigħu dawn il-binjiet. Barra hekk, jingħad li ħafna residenti qed ikomplu jħallsu mijiet ta’ liri fix-xahar biex jirrimedjaw xogħlijiet biex iżommu siguri min-nirien.  

Ir-rapport jgħid li l-appoġġ tal-Gvern mhux se jkun biżżejjed biex isiru x-xogħlijiet fuq il-binjiet kollha. Fil-fatt, jissemma li l-fond ta’ £1 biljun se jservi biss biex jiġu rranġati terz tal-1,700 binja li għandhom bżonn rimedju.  

Għaldaqstant, dan il-kumitat qed jitlob lill-Gvern biex jikkommetti ruħu biex jiżgura li dawn il-binjiet kollha jingħataw rimedju sa Diċembru tas-sena d-dieħla. Barra hekk, qed jitolbu biex bini ieħor li għandu xi tip ta’ kisi perikoluż għandu jkollu d-difetti relatati man-nirien imneħħija sa Ġunju tal-2022. 

Fl-istess waqt, il-kumitat qed jitlob li dawn in-nies li jgħixu fil-binjiet għandhom jingħataw appoġġ fiżiku u mentali min-naħa tal-Gvern biex ikampaw waqt din is-sitwazzjoni. 

Share With: