Kumpaniji involuti fil-kiri tal-ajruplani se jiġu Malta

Numru ta’ kumpaniji li jaħdmu fil-qasam tal-kiri tal-ajruplani mistennijin jiġu Malta biex joperaw minn pajjiżna. Dan ħareġ waqt it-tnedija tal-Aircraft Leasing Malta, inizjattiva immirata proprju biex tħajjarhom jiġu Malta.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa fiduċjuż li din in-niċċa ġdida fl-avjazzjoni tħalli l-frott mixtieq u sostna li se tgħin lill-industrija lokali tirkupra mill-impatt tal-Covid19 u se tgħaqqad il-kullana ta’ servizzi li l-pajjiż joffri f’dan is-settur.

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg irrimarka li llum ir-reġistrazzjoni tal-avjazzjoni jgħodd l-475 ajruplan u semma kif kumpaniji f’din l-industrija riedu bandiera oħra Ewropea barra l-Irlanda minn fejn joperaw waqt li esprima l-fiduċja li din l-inizjattiva se ġġib lejn Malta numru ta’ kumpaniji.

Il-Kaptan Charles Pace, Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, semma kif b’din l-inizjattiva għalqu ċ-ċirku tas-setturi fl-avjazzjoni u wkoll semma kif kumpaniji li jikru l-ajruplani jinsabu interessati li jiftħu f’pajjiżna.

Share With: