L-Ambaxxatur Malti fil-Libja bi kliem ta’ tifħir lejn il-Gwardja tal-Kosta Libjana li qed twaqqaf it-traffikar uman

Minn MELVIN FARRUGIA

L-Ambaxxatur Malti fil-Libja, Charles Saliba esprima l-apprezzament tiegħu lejn ix-xogħol bla waqfien li sar mill-Gwardja tal-Kosta Libjana biex issalva l-ħajjiet fil-baħar Mediterran. 

Saliba esprima l-gratitudni tiegħu anke lill-baħrin abbord il-patrol boats tal-Gwardja tal-Kosta Libjana li jirriskjaw ħajjithom biex isalvaw lill-oħrajn. 

Din l-istqarrija tal-ambaxxatur Malti saret wara li l-Prim Ministru Malti, Robert Abela żar il-Libja u ż-żewġ pajjiżi qablu li jikkoperaw biex ikissru l-katina tat-traffikar tal-immigranti, filwaqt li jsalvaw il-ħajjiet u jevitaw it-traġedji fil-Mediterran. 

L-Ambaxxatur Malti għamilha ċara li hi prijorità għal Malta li jkun hemm l-istabilità fil-Libja, filwaqt li qal li Malta għandha pożizzjoni strateġika li permezz tagħha tista’ tikkontribwixxi għall-istabilità fil-Libja. 

Għaldaqstant, hu ħeġġeġ lill-pajjiżi kollha biex ikunu responsabbli u jirrispettaw l-embargo fuq l-armi. Finalment, l-ambaxxatur Malti qal li bħalma jgħid il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti, Evarist Bartolo, il-Libja għandha tkun tal-Libjani. Saħaq li Malta se tkompli tassisti, anke minkejja r-riżorsi limitati li għandna, biex finalment il-Libjani jkollhom dak li jixraqilhom. 

Intant, fl-aħħar jiem, il-Ministru Evarist Bartolo rringrazzja lill-Gvern ta’ Sarraj u qal li minkejja l-inkwiet tal-gwerra u tal-pandemij, u minkejja l-mezzi limitati ħafna, dawn irnexxielhom iwaqqfu lit-traffikanti tal-bnedmin milli jibagħtu 2,000 immigrant ieħor lejn pajjiżna. 

Qal li dan kien grazzi għax-xogħol li sar mill-Gvern ma’ dak ta’ Sarraj, fejn infetħet paġna ġdida ta’ koperazzjoni li diġà qiegħda tagħti l-frott minkejja li s’issa saru biss passi żgħar u għad fadal ħafna xi jsir. 

Bartolo rringrazzja wkoll lill-Gvern Tork li ta sehmu biex tinfetaħ din il-paġna ġdida mal-Gvern ta’ Sarraj fi Tripli. 

Share With: