L-eks-PM Muscat: “Kien hemm min ipprova jimmanipula sitwazzjoni u anki persuni biex jipprova jħammiġni bil-kbir”

“Kien hemm min ipprova jimmanipula sitwazzjoni u anki persuni biex jipprova jħammiġni bil-kbir.” Hekk ikkummenta l-eks-Prim ministru Joseph Muscat b’reazzjoni għal artiklu ppubblikat f’ġurnal li jgħid li Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, qal lill-investigaturi li Muscat kien talbu jekk Keith Schembri – l-eks-Chief of Staff ta’ Muscat – kienx jissemma fir-rekordings li ttieħdu minn Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fil-kumment tiegħu li għamel fuq il-midja soċjali, Muscat qal li waqt li kien qed jieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq pariri tal-Avukat Ġenerali u l-Pulizija biex jagħti parir lill-President tar-Repubblika dwar proklami, kienet waslitlu theddida minn persuna magħrufa li jekk ma jimxix b’mod partikolari kien se jara li jiġi mċappas.

Muscat qal li fost oħrajn it-theddida kienet issemmi telefonati li suppost li saru bejnu u l-persuna akkużata.

L-eks-Prim Ministru qal li informa lill-awtoritajiet minnufih u minn kontrolli li kienu saru rriżulta li ma kien hemm xejn minn dan. Qal li anke kien ħareġ stqarrija pubblika biex jgħid dan kollu.

“Dakinhar ma ddejjaqtx mit-theddid u mxejt bl-aktar mod ġust u skont il-parir tal-istituzzjonijiet, akkost li kont naf li se jippruvaw iħammġuni. Id-deċiżjonijiet tiegħi dejjem ħadthom fuq il-wegħda li għamilt li nara li ssir ġustizzja, akkost ta’ kollox. Akkost li nerfa’ piż li ma kienx tiegħi,” qal Muscat.

Huwa żied jgħid li mir-rapport lppubblikat illum jidher li min għamel it-theddida kien biddel din il-verżjoni ta’ kif ried jinqeda biex iħammġu. “Minflok telefonati, qed jingħad li saret stqarrija li tgħid li jin iltqajt mal-akkużat u tkellimt miegħu dwar il-każ darbtejn. Wassal biex anki jidher biex wara li bqajt naqdi dmiri nbidlet il-verżjoni bħala tpattija.”

Fl-istess waqt emfasizza li minn dak kollu li ntqal mhuwa veru xejn.

Saħaq li fix-xhur li suppost saret laqgħa fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ma jirriżulta minn l-ebda rekord miżmum, kif jinżamm ta’ kull laqgħa, li huwa kellu laqgħa mal-akkużat. Muscat żied jgħid li apparti dan kien hemm xhieda fil-Qorti fejn persuna li kellu aċċess għal kull informazzjoni fuq kull laqgħa li qatt kellu ġie mistoqsi speċifikament jekk qatt kien hemm laqgħa simili, bix-xhieda tikkonerma li qatt ma saret laqgħa.

Fir-rigward tal-allegazzjonijiet li huwa għadda dettalji dwar rejds li saru mill-Pulizija, Muscat qal li dan ma jistax ikun għax huwa ma kienx jidħol fil-loġistika tal-operazzjonijiet, u dan jista’ jiġi kkonfermat mill-awtoritajiet.

Tenna li filwaqt li l-allegati laqgħat mal-akkużat saru f’Diċembru tal-2018, jew Jannar 2019, jew Frar 2019, ir-rejds ġew deċiżi xhur sħaħ wara, u dan filwaqt li huwa xorta ma kellux aċċess għal informazzjoni dwarhom.

Muscat għamel referenza għall-festin li kien sar fil-Palazz tal-Girgenti, fejn saħaq mill-ġdid li l-istedina ħarġet bi ftehim mas-servizzi tas-sigurtà. “Ir-raġuni li ħarġet din l-istedina hija ovvja u forsi xi darba jkolli l-opportunità nispjegaha għal min forsi għadu ma fehmiex.”

L-eks-Prim Ministru temm jgħid li din mhux l-ewwel darba li qed jiffaċċja gideb u suppost “evidenza”.

Share With: