L-elezzjoni f’Singapore

Minn RUBEN BRIFFA

Minkejja ċ-ċokon tagħha, sa mill-konċepiment tagħha bħala Repubblika, lura fl-1965, il-gżira ta’ Singapore minn dejjem kellha rwol importanti fil-politika Ażjatika, l-aktar minħabba r-rabtiet kummerċjali li dan il-pajjiż irnexxielu jibni matul is-snin. Sal-ġurnata tal-lum, il-politika pro-business imfassla minn Lee Kuan Yew, l-ewwel Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż, għadha tiddomina l-ħajja tal-kważi sitt miljun ruħ li jgħixu fis-Singapore. Flimkien mas-suċċessi ekonomiċi li kellu dan il-pajjiż, hemm ukoll tebgħa sewda li spiss tiġi kkritikata mill-pajjiżi tal-punent. Din tirrigwarda l-mod ta’ kif issir il-politika fis-Singapore li ħafna osservaturi tal-politika internazzjonali jarawh li għandu xi nuqqasijiet pjuttost serji, speċjalment f’dik li hija libertà tal-espressjoni. 

Il-Prim Ministru preżenti, Lee Hsien Loong, għadu kemm ħabbar li sejra ssir elezzjoni ġenerali fl-10 ta’ Lulju li ġej. Din l-elezzjoni mistennija tkun mirbuħa mill-People’s Action Party, il-partit ta’ Loong li mexxa lis-Singapore sa minn meta sar Repubblika. Biss, minflok ma sar it-tibdil tant mistenni sabiex il-proċess elettorali jitjieb bl-introduzzjoni ta’ aktar kritika lejn il-gvern, hemm sinjali ċari li dan il-partit sejjer japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni tal-Covid-19 u addirittura jkompli jimmina l-libertà tal-espressjoni tal-oppożizzjoni.

It-13-il rebħa

Kif diġa’ għedna, ir-riżultat tal-elezzjoni ta’ Lulju huwa prattikament magħruf diġa’, b’rebħa ċerta għall-People’s Action Party, il-partit li rebaħ it-12-il elezzjoni ġenerali li saru fis-Singapore. L-uniku dubju li baqa’ huwa b’kemm sejra tkun il-maġġoranza li biha sejjer jirbaħ il-partit tal-prim ministru preżenti. 

Il-popolarità tal-partit fil-gvern qatt ma niżlet taħt is-sittin fil-mija, bl-agħar riżultat miksub kien dak tal- 2011. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali li saret fl-2015 il-People’s Action Party rega’ rkupra ħafna voti bl-appoġġ jerġa’ jitla’ għal 70 fil-mija. Jingħad li f’dik l-elezzjoni l-partit reġa’ żied fil-voti minħabba l-mewt ta’ Lee Kuan Yew li jiġi missier il-prim ministru preżenti li kien maħbub ħafna mill-poplu.

Kif dejjem rebbieħ?

Wara din is-sensiela ma taqta’ xejn ta’ rebħiet elettorali għall-People’s Action Party hemm ċertu element ta’ fiduċja tal-votanti f’dan il-partit li matul dawn is-snin kollha kellu suċċess wara l-ieħor fil-qasam ekonomiku. Fattur ieħor li permezz tiegħu dan il-partit irnexxielu jżomm l-appoġġ tal-maġġoranza kbira tal-poplu kien dak li rnexxielu jżomm lill-pajjiżu ‘l bogħod mill-iskandli ta’ korruzzjoni li jikkaratterizzaw il-politika ta’ ħafna mill-pajjiżi Ażjatiċi.

Manuvri mhux etiċi

Minbarra s- successi ekonomici li semmejna, wara dawn ir- rebhiet elettorali hemm ukoll diversi manuvri politici li saru minn diversi mexxejja tal- People’s Action Party sabiex il-partit tagħhom ikollu dejjem xi forma ta’ vantaġġ fuq l-avversarji politiċi tiegħu.

Matul is-snin twal fit-tmexxija dan il-partit daħħal ħafna klawsoli fil-liġi elettorali li jagħmlu l-ħajja tal-politiċi tal-oppożizzjoni tassew diffiċli. Pereżempju, sabiex joħnoq leħen il-partiti iż-żgħar, il-gvern daħħal kundizzjoni li sabiex partit ikun jista’ jikkontesta elezzjoni lokali, dan irid jippreżenta mhux anqas minn ħames kandidati. Barra minn hekk, konxju li ħafna mill-avversarji politiċi għandhom problemi ta’ fondi, l-gvern għolla s-somma tal-applikazzjoni sabiex kandidat joħroġ għall-elezzjoni għal waħda li hija ekwivalenti għal 10,000 dollaru. 

Ħaġa oħra li tispikka fir-riżultati ta’ kull elezzjoni fis-Singapore hija n-numru tassew kbir ta’ deputati li l-People’ Action Party jirnexxilu jtella’ fil-parlament li ħafna drabi jaqbeż id-90 fil-mija. Dan jiġri minħabba s-sistema xejn rappreżentattiva ta’ kif jiġu eletti d-deputati li daħħal dan il-partit. Din is-sistema tagħti post fil-parlament lill-kandidati tal-partit li jkun ġab il-maġġoranza f’kull kostitwenza. Għalhekk, meta pereżempju l-partit fil-gvern ġab 60 fil-mija tal-voti, huwa xorta rnexxielu jeleġġi madwar 93% tad-deputati parlamentari, b’oppożizzjoni jirnexxielha ddaħħal deputati minn kostitwenza waħda biss.

Barra minn hekk, l-Kummissjoni Elettorali mhijiex waħda indipendenti minħabba li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Prim Ministru. Din il-Kummissjoni daħħlet ħafna regoli li prattikament jiddettaw sal-anqas aspett ta’ kif wieħed għandu jmexxi kampanja elettorali li jvarjaw minn kemm għandhom ikunu kbar ir-reklami tal-partiti fuq il-ġurnali sa lista ta’ argumenti li ma jistgħux jiġu diskussi waqt kampanja.

Jinqdew bil-Covid-19

Bl-iskuża tas-social distancing, il-gvern żamm il-permessi kollha għall-attivitajiet tal-massa li kienu l-akbar għodda sabiex l-oppożizzjoni twassal il-messaġġ tagħha. Minkejja li l-liġi elettorali timponi ċertu restrizzjonijiet fuq l-użu tat-televiżjoni u r-radju mill-partiti, diversi ministri qegħdin jagħmlu ħafna propaganda għall-partit tagħhom bl-iskuża tal-Covid-19.

Restrizzjoni fuq il-libertà tal-espressjoni

L-aktar manuvra tal-People’s Action Party li ġiet ikkritikata mill-midja internazzjonali kienet dik li permezz tagħha ddaħħlu ħafna aktar restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni. Dan jinkludi liġi ġdida sabiex tikkontrolla dak li jinkiteb fuq l-internet kif ukoll ħafna aktar kontrolli u burokrazjia sabiex jinħarġu l-permessi għall-attivitajiet tal-massa.

L-Oppożizzjoni

Minkejja li kif diġa’ għedna ftit hemm dubju rigward min sejjer ikun ir-rebbieħ tal-elezzjoni ġenerali li jmiss, l-oppożizzjoni tidher li ssaħħet mhux ftit. Magħha ngħaqad Lee Hsien Yang li jigi hu l-prim ministru preżenti. Il-mexxej tal-oppożizzjoni, Tan Cheng Bock huwa politiku li serva fil-parlanent għal kważi 30 sena f’isem il-People’s Action Party qabel ma rreżenja minn membru tiegħu wara li beda jħoss “klima ta’ biża’” fil-pajjiż.

L-akbar għodda f’idejn l-oppożizzjoni f’din il-kampanja elettorali huwa l-mod kif il-gvern affronta l-pandemija. Minkejja li fil-bidu tal-imxija tal-Coronavirus, Singapore kien jitqies bħala mudell ta’ kif pajjiż għandu jikkontrolla l-virus, aktar ma beda jghaddi ż-żmien aktar bdew jiżdiedu l-każi sabiex fl-aħħar Singapore spiċċa b’madwar 50,000 każ. Il-gvern ippanikja bil-kbir u ordna lockdown li sejra jkolla ħafna riperkussjonijiet ekonomici.

wieħed jittama li r-raba’ ġenerazzjoni ta’ politiċi li mistennija jidħlu fit-tmexxija l-ġdida jdaħħlu aktar demokrazija fis-Singapore. Fuq kollox hemm ħafna aspettattiva mill-Ministru tal-Finanzi preżenti, Heng Seww Keat li mistenni jieħu t-tmexxija tal-partit f’idejh matul il-leġiżlatura l-ġdida. Minkejja li sondaġġi elettorali li saru dan l-aħħar juru li hemm kważi 80% tal-popolazzjoni li tagħti l-appoġġ lill-People’s Action Party, żgur li l-mexxej il-ġdid sejjer ikollu biċċa xogħol iebsa sabiex iżomm il-livell għoli ta’ għajxien ta’ pajjiżu minħabba li l-fondi marru l-baħar minħabba l-pandemija.

Share With: