L-estradizzjoni b’rabta mal-qtil f’Santa Luċija għadha mhux deċiża … il-Libjan suspettat bil-qtil ta’ Victor McKeon għadu miżmum il-Marokk

Ftit aktar minn tliet xhur wara l-qtil f’Santa Luċija, l-awtoritajiet Maltin għadhom jistennew l-eżitu tal-proċess ta’ estradizzjoni fil-Marokk tal-Libjan suspettat bid-delitt.

Kien fis-17 ta’ Marzu li għadda meta ġo appartament f’Misraħ Dorell il-pulizija sabu raġel imgeżwer f’boroż tal-plastik.

Il-vittma, identifikat bħala Victor McKeon ta’ 62 sena, kellu daqqiet fuq rasu u sinjali li ġie fgat.

Wara li kellmu xi ġirien il-pulizija li qed jinvestigaw il-każ stabilixxew li mal-anzjan kien hemm joqgħod ukoll Libjan ta’ 37 sena.

Għalkemm il-Pulizija bdiet tfittxija għal dan ir-raġel irriżulta li huwa kien diġa laħaq telaq minn Malta. Fil-fatt huwa kien arrestat il-Marokk.

L-awtoritajiet Maltin għamlu talba għall-estradizzjoni b’kelliem għall-Pulizija, mitlub biex jgħid fiex waslet il-proċedura, jgħidilna li dan għadu għaddej. L-identità tas-suspettat għadha mhix magħrufa.

Il-qtil ta’ McKeon segwa attentat ieħor li kien sar fuq ħajtu fl-2017 meta żewġt irġiel daħlu f’daru u tawh numru ta’ daqqiet bis-sikkina. Ħadd ma kien imressaq fil-Qorti dwar dan l-attakk.

Share With: