L-ewwel parroċċa f’Malta – il-Knisja ta’ San Pawl fir-Rabat issir Bażilika

Minn – VICTOR VELLA

Proprju f’Jum il-festa liturġika tal-martirju tal-Appostlu San Pawl, ħarġet l-aħbar li il-Knisja ta’ San Pawl fir-Rabat se tingħata t-titlu ta’ Bażilika Minuri. Dan it-titlu jfisser li jiżdied l-impenn spiritwali biex il-poplu jkollu aktar sostenn u għajnuna mill-Arcipriet, il-kleru u l-lajċi impenjati, kif ukoll isib fil-paroċċa aktar imħabba.

Dan tħabbar mill-Arċipriet il-Kan. Louis Suban waqt li lbieraħ filgħaxija ġiet iċċelebrata quddiesa fl-okkażjoni tal-festa tal-martirju tal-Appostlu Missierna San Pawl. Proprju sena ilu, l-Arċisqof Scicluna kien iddikjara li dan it-titlu hu rikonoxximent ta’ bosta affarijiet fosthom għal fatt li din il-parroċċa hi l-ewwel waħda f’Malta.

Ta’ min jgħid ukoll li dakinhar l-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Pawl, il-Kanonku Louis Suban, kien iddikjara li fl-aħħar se ssir ġustizzja mar-Rabtin. Dan it-titlu se jkun qed jingħata f’Settembru, waqt quddiesa mmexxija mill-Arċisqof ta’ Malta fejn se jkun qed jinqara d-digriet fejn din il-Proto-parroċċa u Kolleġġjata ssir Bażilika.

Dan se jkun waqt ġimgħa ta’ festi li jilħqu il-qofol tagħhom fil-21 ta’ Settembru, jum il-Konsagrazzjoni tal-Knisja meta filgħodu tinħareġ l-istatwa titular ta’ San Pawl, patrun tar-Rabat, f’pellegrinaġġ.

Share With: