L-FIAU tirċievi 65% aktar tranżazzjonijiet suspettużi

Matul is-sena li għaddiet il-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) irċeviet 2,778 rapport dwar tranżazzjonijiet suspettużi, żieda ta’ 65% fuq is-sena preċedenti.

Dan joħroġ mir-rapport annwali għas-sena 2019 ippreżentat minnha stess fejn jirriżulta li l-ikbar ammont ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, 1,445, kienu dwar kumpaniji tar-remote gaming waqt li 75% tas-suspettati kienu barranin jew kumpaniji reġistrati barra.

Mill-2,778 rapport dwar tranżazzjonijiet suspettużi komplew jiġu investigat f’aktar dettall 2,446 każ, 57% aktar mill-2018 u 248% aktar mill-2017.

L-FIAU rat ukoll jirduppjaw ir-rapporti li għaddew bejnha u bejn ‘units’ simili f’pajjiżi oħra bin-numru ta’ dawn l-istess rapporti matul l-2019 ilaħħaq l-1,500.

In-numru ta’ każijiet ġodda taħt investigazzjoni fl-2019 kien ta’ 2,481, 54% aktar minn 2018, b’35 każ jibdew ikunu investigati wara li hija rċeviet informazzjoni mingħand sorsi tagħha.

In-numru ta’ staff matul l-2019 żdied bi 32 biex sal-aħħar tas-sena l-FIAU kellha 70 fosthom mill-Italja, il-Litwanja, ir-Rumanija u l-Polonja b’61% tal-impjegati jkunu nisa.

L-Avukat Ġenerali Peter Grech, li huwa ċ-Ċermen tal-Bord tad-Diretturi tal-FIAU, iddeskriva l-2019 bħala sena sinifikanti hekk kif kompliet tirrispondi għall-isfidi l-kbar li qed tiffaċċja.

Huwa sostna li l-FIAU qamet għall-okkażjoni kif juri x-xogħol kbir li wettqet matul is-sena li għaddiet waqt li semma kif għalih dan se jkun l-aħħar rapport tiegħu hekk kif din is-sena jispiċċa jmexxi l-bord tal-gvernaturi.

Share With: