L-iktar annimal b’saħħtu

Minn Talitha Van Colen (Executive Science Communicator, Esplora)

Liema huwa l-iżjed annimal b’saħħtu fid-dinja kollha?

L-iljun? It-tigra? L-ors? Jew forsi l-wirdien? L-ebda minn dawn. L-iżjed annimal b’saħħtu huwa fil-fatt it-Tartigrade

It-tardigrades, magħrufa wkoll bħala orsijiet tal-ilma jew qżieqeż tal-ħażiż, huma annimali ċkejknin, li jikbru biss sa xi nofs millimetru. Huma jidhru qishom orsijiet żgħar bla suf, iżda għandhom erba’ pari saqajn. Dawn jinsabu madwar id-dinja kollha, minn fuq l-ogħla muntanja, sal-qiegħ tal-iżjed oċean fond, mill-foresti tropikali sad-deżerti u s-silġ tal-Antartika. Jinsabu wkoll f’xi postijiet madwarna bħal fuq xi biċċa ħażiż fil-ġonna tagħna. Kapaċi jgħixu prattikament kullimkien, għalhekk ngħidu li huma l-iżjed annimali b’saħħithom fid-dinja kollha. 

It-tartigrades jistgħu jgħixu f’tant postijiet differenti għax huma għandhom il-kapaċità li jibqgħu ħajjin mingħajr il-preżenza tal-ilma. L-ilma huwa essenzjali għall-ħajja; fil-fatt kull fejn fid-dinja insibu l-ilma, insibu xi ħaġa ħajja, u normalment l-annimali ma jirnexxilhomx jibqgħu ħajjin mingħajr l-ilma. Iżda t-tartigrades kapaċi jagħmlu xi ħaġa speċjali ħafna. Meta l-ilma jinxef, jew meta l-kundizzjonijiet ambjentali jkunu ħorox, it-tartigrade jifforma dak li ngħidulu tun. Biex jagħmel dan, huwa jitkebbeb u jsir qisu boċċu. F’dan l-istat, it-tartigrade  la jiċċaqlaq, la jiekol u ma jagħmel xejn għalhekk ikun qisu mejjet. Fil-fatt, il-metaboliżmu tiegħu kważi jieqaf għal kollox. Iżda t- tartigrade ma jkunx mejjet! Meta l-kundizzjonijiet isiru aħjar, u l-ilma jerġa’ jkun preżenti, huwa joħroġ mill-istat ta’ tun u jkompli l-ħajja normali tiegħu qisu xejn mhu xejn. 

Meta jkunu f’dan l-istat ta’ tun, it-tartigrades  kapaċi jagħmlu żmien twil mingħajr ikel u ilma. Aħna l-bnedmin, anke wara ġurnata waħda bla ikel u ilma nibdew inbatu, iżda huma kapaċi jibqgħu ħajjin f’dan l-istat għal għaxar snin! Barra minn hekk, it-tardigrades, meta jkunu fl-istat ta’ tun, kapaċi wkoll jissaportu temperatura għolja sa 150°C, li hija iżjed għolja mit-temperatura tal-ilma meta jkun għela (100°C). Minn naħa l-oħra, dawn l-annimali jistgħu jinsabu wkoll f’temperatura baxxa ħafna, sa -270°C, meta kollox ikun iffriżat. Minbarra li jirreżistu dawn it-temperaturi estremi, it-tardigrades jifilħu wkoll għall-pressjoni sitt darbiet iżjed milli hemm fil-qiegħ tal-iktar oċeani fondi. Barra minn hekk, dawn l-annimali kapaċi wkoll jibqgħu ħajjin meta jkunu esposti għar-radjazzjoni qawwija ħafna. Tant kemm huma b’saħħithom, li meta jkunu fl-istat ta’ tun, ir-radjazzjoni li toqtol iljunfant imma qawwija għal elf darba aktar, ma tagħmlilhom xejn. 

Tant huma b’saħħithom it-tartigrades, li x-xjentisti jridu jistudjawhom fl-iżjed ambjent aħrax li nafu bih, l-ispazju. Fis-sena 2007, bħala parti mill-missjoni TARDIS (Tardigrades in Space) tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), 3000 tardigrade intbagħtu fl-ispazju, fejn għamlu tnax-il ġurnata jduru madwar id-dinja. Dawn kieku esposti għall-vakum tal-ispazju, iżda meta ġew lura fl-art, u ħarġu mill-istat ta’ tun, it-tardigrades kienu għadhom qawwijin u sħaħ u l-avventura tagħhom ma ħalliet l-ebda effett ħażin fuqhom. U għalhekk it-tardigrades huma magħrufin bħala l-iżjed annimali b’saħħithom fid-dinja kollha. 

Share With: