L-inkjesta relatata mal-każ tal-Avukat Charles Mercieca hija lesta

Il-Ministeru jikkonferma li rċieva mingħand il-Prim Imħallef Emeritu Dr Joseph Azzopardi l-inkjesta ordnata mill-Ministru Edward Zammit Lewis a tenur tad-dispożizzjonijiet tal-Kap. 273 tal-liġijiet ta’ Malta in konnessjoni mal-każ tal-Avukat Charles Mercieca li minn impjieg mal-Avukat Ġenerali beda jassisti lis-Sur Yorgen Fenech f’diversi kawżi konċernanti lilu.

L-inkjesta mmexxija mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi qalet li ma jidhirx li Dr. Mercieca ġew f’idejh dokumenti b’rabta mal-evidenza fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech.

Dawn id-dokumenti jinsabu fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali u kopja ta’ dan il-file tinsab imsakkra. Kopja oħra ta’ dawn id-dokumenti qed tinżamm fir-reġistru tal-Qorti li ma tistax takkwistaha faċilment.

L-inkjesta qalet b’mod ċar li Dr. Mercieca ma kienx involut fil-prosekuzzjoni fil-każ ta’ qtil ta’ Caruana Galizia u ma kienx hemm diskussjonijiet dwar il-każ fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali, li fihom kien hemm involut Charles Mercieca.

L-inkjesta qalet ukoll li l-kuntratt tax-xogħol tal-avukati fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali u l-kodiċi tal-etika għal dawn l-avukati ma jassigurawx biżżejjed korrettezza għal dawk li jħallu l-uffiċċju tal-avukat ġenerali.

Share With: