L-investiment fit-tisħiħ tal-ħiliet tal-ħaddiema huwa kruċjali għal ekonomija iktar b’saħħitha

It-titjib u t-tisħiħ tal-ħiliet tal-ħaddiema huma kruċjali għal ekonomija iktar reżiljenti u kompetittiva. L-Iskema għall-iżvilupp tal-ħiliet, li se tinvesti €5 miljun għat-taħriġ inhousetal-ħaddiema, u l-għotja ta’ €5,000 lill-kumpaniji biex isaħħu l-business models tagħhom huma inizjattivi li se jikkontribwixxu għal iktar ħiliet fost il-ħaddiema tagħna, u għalhekk għal tkabbir ekonomiku.  

Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici waqt li kien qed jieħu sehem f’laqgħa informali tal-Ministri tax-Xogħol u Affarijiet Soċjali permezz ta’ video conference. Huwa sostna li r-rabta bejn l-impiegi fuq livell nazzjonali u l-politiki soċjali jirrikjedu approċċ olistiku bl-għan li wieħed jitgħallem mill-opportunitajiet li jiġu preżentati u jara kif dawn jistgħu jiġu adattati.

Huwa qal li rridu naraw l-investimenti li għamilna sa issa fit-tranżizzjoni diġitali u ambjentali tagħna fid-dinja tax-xogħol, kif ukoll insaħħu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna biex insaħħu l-innovazzjoni b’mod sostenibbli f’dawn is-setturi. Huwa sostna li l-UE trid tibqa’ sensittiva għall-ħtiġijiet individwali tas-swieq tax-xogħol fid-diversi stati membri fid-dawl tal-isfidi medium-term u long-term li jaffaċċjawna.

“Li hu żgur hu li l-pandemija wriet kif it-teknoloġiji tal-informatika jistgħu jkomplu jirrivoluzzjonaw id-dinja tax-xogħol kif nafuha llum. Dawn it-teknoloġiji għamluha possibbli li nintroduċu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli li jkunu ta’ benefiċċju ekonomiku u soċjali fit-tul”, qal il-Ministru Bonnici. 

“F’Malta qed nimxu ‘l quddiem u qed nieħdu in konsiderazzjoni l-impatt pożittiv tax-xogħol b’distanza u aħna nemmnu li dawn il-miżuri li għandhom l-għan li jilħqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandhom jissaħħu f’dinja ġdida tax-xogħol”, sostna l-Ministru Bonnici.

Huwa qal ukoll li qed tingħata attenzjoni speċjali sabiex iktar ħaddiema jiksbu l-ħiliet li għandhom bżonn fid-dinja tal-lum sabiex ikabbru l-flessibilità u l-adattabilità tagħhom. “Fl-istess waqt”, sostna l-Ministru Bonnici, “irridu naraw x’inhuma l-ħtiġijiet ta’ dawk is-setturi li wrew dgħufija fejn tidħol il-preparazzjoni diġitali”.

Huwa sostna li l-ħolqien ta’ sistemi ppersonalizzati ta’ tagħlim matul il-ħajja u t-tisħiħ tar-rwol tal-edukazzjoni vokazzjonali jibqgħu prerekwiżit kruċjali biex nilqgħu għall-bidliet li ġejjin u li diġà qegħdin naraw fid-dinja tax-xogħol. Dan anke billi nsaħħu l-investiment għat-tisħiħ ta’ tagħlim flessibbli, aċċessibbli u relevanti.

Huwa qal li hu kruċjali li nżommu f’moħħna l-ġlieda kontra l-fenomenu ta’ studenti li jaqgħu ‘l barra mis-sistema edukattiva kmieni wisq. Din hija prijorità jekk irid ikollna ħaddiema mħarrġa li jistgħu jadattaw għat-transizzjonijiet li għaddejjin. “Għalhekk, l-istrateġiji ta’ tagħlim ta’ ħiliet ġodda qed jiġu wkoll imwieżna b’miżuri long-term għal rotot miftuħa fil-kamp tal-edukazzjoni mandatorja sabiex nippreparaw l-individwi sa minn età żgħira bil-ħtiġijiet transversali neċessarji biex jimxu ‘l quddiem fiċ-ċirkostanzi tas-swieq tax-xogħol tal-lum li dejjem jinbidlu”, qal il-ministru.

“Minister Owen Bonnici joins a video conference of Ministers of Employment and Social Policy 09/06/2020


Huwa qal li rridu nsaħħu l-ħidma tagħna biex nagħtu iktar miżuri ta’ appoġġ fejn jidħlu bidliet fis-swieq tax-xogħol fid-dawl tat-teknoloġija u forom ġodda ta’ xogħol.

Dwar l-aspett soċjali, il-Ministru Bonnici sostna li l-pandemija kompliet titfa’ sfidi fuq l-oqsma tal-ugwaljanza, fejn il-vittmi ta’ vjolenza domestika ġew esposti iktar għall-possibilità ta’ vjolenza u diffikultajiet ġodda fl-ogħti ta’ assistenza. Minħabba l-inċertezzi finanzjarji li l-pandemija ġabet magħha, vittmi li mhumiex finanzjarjament indipendenti sabuha iktar diffiċli.

“Fid-dawl ta’ dan nedejna diversi kampanji biex inqajmu kuxjenza sabiex iktar nies jirrapportaw każi ta’ vjolenza domestika u jfittxu l-għajnuna. Daħħalna sistema ta’ ‘silent reporting’ permezz tal-app 112. Rajna wkoll li s-servizzi ta’ support għall-vittmi u l-aċċess għax-xelters marbuta mal-vjolenza domestika jibqgħu miftuħa u aċċessibbli matul il-perjodu tal-pandemija”, qal il-Ministru Bonnici.

Huwa rrefera wkoll għall-iskema tal-“Private Rent Housing Benefit”, li ġiet estiża wkoll għall-vittmi tal-vjolenza domestika. Huwa qal li l-Gender Wellbeing Clinic baqa’ jagħti servizzi ta’ assistenza lil persuni trans u l-familji tagħhom matul dan il-perjodu.

Huwa semma wkoll kif il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza kompliet taħdem fuq diversi inizjattivi u offriet is-servizzi tagħha lill-pubbliku in ġenerali u stakeholders oħra.

Il-Ministru Bonnici sellem ukoll lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci li tat lin-nazzjon sens ta’ riassigurazzjoni u serenità matul il-pandemija.  “Hija rebħet ir-rispett ta’ pajjiż sħiħ u hija eżempju għal ħafna bniet u nisa”, qal il-Ministru Bonnici.

“Aħna nemmnu f’approċċ olistiku biex insaħħu l-kapital uman biex inkunu fl-aħjar pożizzjoni li naffaċċjaw l-isfidi tad-dinja tax-xogħol tal-lum, imma wkoll insaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. B’hekk inkunu ċerti li ebda talent ma jitħalla fil-ġenb u nimmassimizzaw il-potenzjal tagħna għal tkabbir ekonomiku u jum aħjar għada”, kkonkluda l-Ministru Bonnici.

Share With: