L-Iran b’mandat ta’ arrest għall-President Amerikan Trump

L-Iran ħarġet mandat ta’ arrest għall-President Amerikan Donald Trump u għexieren ta’ persuni oħrajn għar-rwol tagħhom fil-qtil tal-Ġeneral Iranjan Qassem Soleimani aktar kmieni din is-sena. Tehran talab lill-Interpol biex tassistiha fl-arrest.

Il-prosekutur Iranjan Ali Alqaismehr għamel ir-rimarki f’laqgħa li żvolġiet illum ma’ uffiċjali ġudizzjarji oħrajn. Huwa qal li l-mandati ta’ arrest inħarġu għal 36 individwu, fosthom politiċi u uffiċjali militari mill-Istati Uniti u gvernijiet oħrajn.

L-akkużi jinkludu “omiċidju” u t-twettiq ta’ “atti terroristiċi”. Il-Prosekutur żied jgħid li “l-President Trump jinsab fil-quċċata tal-lista u l-prosekuzzjoni tiegħu se tibqa’ tiġi mfittxija anke wara li jiġi fi tmiemu t-terminu tiegħu bħala Presdient”.

Intant l-Interpol, li hija bbażata fi Franza, ma tatx stqarrija uffiċjali dwar it-talbiet li saru mill-Iran, madankollu mhix mistennija li taġixxi fuq it-talbiet ta’ Tehran minħabba li l-linji gwida tagħha jimpedixxuha milli tintervjeni f’attivitajiet ta’ natura politika. 

Share With: