L-MFA tfassal programm biex it-timijiet nazzjonali jirritornaw għat-taħriġ

Iċ-Ċentru Tekniku fi ħdan il-Malta Football Association għadu kemm fassal programm biex it-timijiet nazzjonali jirritornaw għat-taħriġ wara perjodu neqsin minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Il-programm, li fih hemm inklużi testijiet fiżiċi u mediċi, sessjonijiet ta’ taħriġ u anke laqgħat tekniċi u tattiċi, huwa intiż biex jgħin aħjar fil-preparazzjoni tat-timijiet nazzjonali għal-logħbiet li ġejjin.

Dan kollu se jkun ifisser ir-ritorn tal-attivitajiet wara li l-partiti internazzjonali li kellhom jintlagħbu f’Marzu u f’Ġunju ġew posposti minħabba l-coronavirus.

Il-coach nazzjonali, Devis Mangia, li huwa assistit minn Davide Mazzotta u Guillermo Giacomazzi, għażel l-iskwadra pjuttost estiża għall-pre-season li se jibda, nhar il-Ħadd 5 ta’ Lulju.

Wara diskussjonijiet mal-clubs lokali, ġie miftiehem li l-players li se jkunu qed jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet Ewropej għall-istaġun li ġej se jitħarrġu mat-team nazzjonali fl-ewwel ġimgħa biss biex eventwalment ikunu għad-dispożizzjoni tal-clubs rispettivi tagħhom. L-istess coaches tat-team nazzjonali se jiltaqgħu mal-coaches tal-clubs biex ikun hemm pjan għall-futur.

It-team nazzjonali tal-kbar qed jipprepara għall-UEFA Nations League fejn fi Grupp D1  se jilgħab kontra l-Faroe Islands (3 ta’ Settembru) barra minn xtuna u kontra l-Latvja (6 ta’ Settembru) fl-Istadium Nazzjonali f’dawk li se jkunu l-ewwel partiti għal din is-sena, 2020.

Il-logħbiet ta’ ħbiberija li kellhom jintlagħbu f’Marzu kontra Ġibiltá u l-Ażerbaijan kif ukoll it-training camp ta’ Ġunju u l-partita ta’ ħbiberija kontra l-Portugall ġew ikkanċellati.

Sadanittant se jkunu qed ikomplu wkoll is-sessjonijiet ta’ taħriġ għat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena immexxija mill-coach Silvio Vella u li wkoll se jibdew fil-5 ta’ Lulju.

L-ewwel żewġ logħbiet ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew se jintlagħbu f’Settembru kontra l-Irlanda ta’ Fuq u r-Rumanija, fl-Istadium Nazzjoanli rispettivament.

Taħt il-gwida tal-coach Andrea Tedesco, it-team ta’ Taħt id-19-il sena, se jibda l-iskeda ta’ taħriġ, fit-12 ta’ Lulju li ġej, bi preparazzjoni għat-tournament ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew. Dawn il-logħbiet se jsiru bejn il-11 u s-17 ta’ Novembru 2020.

Malta telgħet biex tilgħab fi Grupp 10 kontra l-Ingilterra, is-Slovenja u t-team ospitu Wales.

Sadanittant bi preparazzjoni għas-sessjonijiet ta’ taħriġ, il-players li ġew imsejħa se jgħaddu minn serje ta’ testijiet li jinkludi swab test tal-Covid-19 skond il-protokoll tal-Awtoritá tas-Saħħa  li ġie ppreparat mid-dipartiment mediku tal-Assoċjazzjoni.

Il-protokoll tas-saħħa jinkludi miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa li kienu fasslu d-data tal-1 ta’ Lulju bħala l-ġurnata meta għandu jerġa’ jibda t-taħriġ ta’ dak l-isport ta’ kuntatt.

Tajjeb li wieħed ikun jaf ukoll li l-MFA ssottomettiet applikazzjoni għal ċittadinanza Maltija għat-tliet players, Erico Pepe u Mario Fontanella (Italja) u Amadou Samb (Senegal). Din hija opportunitá biex il-livell tat-team nazzjonali jitjieb hekk kif se tiġi evalwata l-kundizzjoni ta’ dawn it-tliet players.

L-Iskwadra mħabbra hija:

Goalkeepers: Rashed Altumi (Casarano Calcio, Italja);  Matthew Calleja Cremona (Hibernians); Jake Galea (Sliema W.); Henry Bonello (Valletta).

Difensuri: Enrico Pepe (Birkirkara); Steve Borg (Gzira U.); Andrei Agius (Hibernians); Zach Muscat (SC Olhanense, Portugall); Kurt Shaw (Sliema W.); Jean Borg (Valletta).   

Midfielders: Steven Pisani (Balzan); Cain Attard, Matthew Guillaumier, Yannick Yankam (Birkirkara); Zachary Scerri, Dexter Xuereb (Gzira U.); Myles Beerman, Jake Grech, Joseph Mbong, Dunstan Vella (Hibernians); Ryan Camenzuli (Floriana); Triston Caruana (Valletta); Neil Tabone (Zejtun C.).

Attakkanti: Paul Mbong, Luke Montebello (Birkirkara); Amadou Samb (Gzira U.); Jurgen Degabriele (Hibernians); Jean Paul Farrugia (Sliema W); Shaun Dimech, Mario Fontanella, Kyrian Nwoko (Valletta).  

L-iskwadra ta’ Taħt il-21 sena:

 Goalkeepers:  Amara Sylla (Birkirkara); Cain Formosa (San Ġwann); Timothy Aquilina (Sliema W);Andreas Vella (bla club).

Difensuri:  Gary Camilleri (Bal­zan); Darren Borg (Hamrun S.); Conor Zammit (Hibernians); Zachary Grech (Pembroke A.); James Scicluna (Pietà H.); Christian Gauci (San Ġwann); Dejan Debono (Senglea A.); Nicholas Pulis (Valletta); Carlo Zammit Lo­nar­delli (NK Zrinski, Kroazja).

Midfielders:   Adam Bradshaw, Marcus Grima (Balzan); Jan Busuttil (Floriana); Ayrton Attard, David Xuereb (Hibernians); Mark Fenech (Naxxar L.); Jan Tanti (Senglea A.); Michele Sansone (Sliema W);   Adam Magri Overend (Sta Lucia); Nevin Portelli (Tarxien R.);   Neil Frendo, Jamie Zerafa (bla club).

Attakkanti:   Aidan Friggieri (Gudja U.); Zachary Brincat (Mosta); Andrei Spiteri (Senglea A.); Omar Elouni, Alex Satariano (Sliema W).

Share With: