L-MUMN u Steward f’diżgwid dwar infermieri barranin

Steward Health Care Malta u l-Unjin tal-Qwiebel u l-Infermieri (MUMN) jinsabu f’diżgwid wara li l-kumpanija iddeċidiet li timpjega tmien infermieri mill-Indja.

Wara li l-MUMN ordnat direttivi industrijali, Steward ħadet il-każ fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn talbet li din titwaqqaf milli tissokta bl-azzjonijiet.

Quddiem l-Imħallef Toni Abela l-kumpanija saħqet li hija kienet kostretta timpjega infermieri barranin għax l-awtoritajiet tas-saħħa kienu għadhom ma irrilaxxawx infermieri Għawdxin li jaħdmu Malta biex jitilgħu fil-gżira.

Min-naħa tal-MUMN din qed issostni li ma kienx hemm il-ħtieġa li Steward timpjega infermieri barranin għax l-agħar tal-Covid19 għadda u għalhekk l-awtoritajiet jistgħu jħallu infermieri Għawdxin jiġu trasferiti lejn Għawdex.

Wara li sema x’kellhom xi jgħidu ż-żewġ naħat l-Imħallef Abela nfurmahom li jiddeċiedi f’data oħra dwar il-mandat ta’ inibizzjoni li Steward għamlet kontra l-MUMN biex iżżommha milli tieħu azzjon industrijali fl-isptar t’Għawdex.

Minbarra l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, Steward tmexxi wkoll l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech għalkemm ir-rilaxx ta’ ħaddiema minn Malta jiddependi mill-awtoritajiet li jmexxu sptarijiet u residenzi tal-anzjani li ma jaqgħux taħtha.

Share With: