LA Galaxy jtemmu l-kuntratt ta’ player minħabba kummenti razzisti mill-mara tiegħu

LA Galaxy u l-midfielder Serb, Aleksandar Katai nfirdu, wara li martu ppubblikat “serje ta’ messaġġi razzisti u vjolenti fuq il-midja soċjali,” qal il-club tal-Major League Soccer (MLS).

Fil-messaġġi fuq Instagram li tħassru dak inhar    stess, Tea Katai rreferiet għad-dimostranti ta’ Black Lives Matter bħala “baqar diżgustanti” u ħeġġet vjolenza kontrihom skond ir-rapporti tal-midja.

Il-partitarji ta’ Black Lives Matter ipprotestaw fi bliet madwar l-Istati Uniti għall-mewt ta’ George Floyd, raġel iswed mhux armat maqtul fil-kustodja tal-pulizija tard ix-xahar li għadda, li qed jitolbu għal riforma fil-pulizija u ġustizzja razzjali.

Nhar il-Ġimgħa, LA Galaxy ħarġu stqarrija qasira fejn ħabbru li Katai u l-club kienu “qablu b’mod reċiproku biex jitilqu lil xulxin”, wara li “ikkundannaw bil-qawwa” l-messaġġi ta’ Tea Katai meta saru jafu bihom nhar l-Erbgħa.

“LA Galaxy jappoġġjaw il-kommunitajiet ta’ kulur, u speċjalment il-kommunità Sewda, fil-protesti u l-ġlieda kontra r-razziżmu sistematiku, l-inugwaljanza soċjali, il-bigoterija u l-vjolenza,” qal il-club.

Katai, li għandu 29 sena, qabel kien jilgħab ma’ Chicago Fire u ffirma ma’ LA Galaxy f’Diċembru li għadda, talab skuża għall-messaġġi li martu poġġiet fuq il-midja soċjali.

L-istaġun tal-MLS ilu wieqef minn Marzu, meta t-tfaqqigħ tal-coronavirus iffriża ħafna mill-kalendarju tal-isport professjonali, u aktar kmieni din il-ġimgħa rratifikaw ftehim tax-xogħol li jippermetti li l-logħob jibda fl-2020.

Share With: