Leave bi ħlas bħala appoġġ lill-ġenituri u donaturi fil-proċess tal-IVF

M’illum, jidħol fis-seħħ Avviż Legali (263 tal-2020) li jemenda l-Ordni ta’ Standard Nazzjonali dwar il-Leave ta’ Prokreazzjoni Medikament Assistita, magħrufa aħjar bħala il-process tal-IVF, taħt l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali. Dan tħabbar mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, fejn spjega kif permezz ta’ dawn l-emendi, issa, ġenituri prospettivi waħedhom (single) u li huma impjegati, u li jissottomettu ruħhom għall-proċess ta’ prokreazzjoni medikament assistita, se jkunu intitolati għal 60 siegħa leave bi ħlas sħiħ mingħand il-prinċipal tagħhom.

Onor Abela ħabbar, kif similarment, fejn wieħed mill-ġenituri prospettivi jkun donatur ta’ ovoċit (oocyte – ċellula ġerminali tal-mara li tista’ tiżviluppa f’bajda, li mbagħad tkun tista’ tiġi ffertilizzata) u l-ġenitur prospettiv l-ieħor ikun ir-riċevitur, jekk ikunu impjegati, dawn il-ġenituri prospettivi se jkunu intitolati għal 60 siegħa ta’ leave bi ħlas sħih mingħand il-prinċipali rispettivi tagħhom. Qal kif barra minn hekk , permezz ta’ dawn l-emendi, anki d-donatur ta’ ovoċit li mhux se jkun ġenitur prospettiv, se jkun intitolat għal 60 siegħa ta’ leave bi ħlas mingħand il-prinċipal.

Il-Ministru responsabbli mill-kundizzjonijiet tax-xogħol semma’ kif dawn l-emendi jieħdu inkonsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-identità tal-ġeneru (gender identity) ta’ persuna tista’ tkun differenti mill-karatteristiċi tiegħu jew tagħha. Biex nagħti eżempju: persuna jista’ jkollha karta tal-identità li li fuqha jkun hemm imniżżel li s-sess tagħha huwa dak ta’ “raġel”, iżda l-karatteristiċi sesswali fiżiċi ta’ dik il-persuna jkunu ta’ mara, jew viċiversa.

Abela, innota kif dawn l-emendi saru wara konsultazzjoni mal-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impjiegi (l-Employment Relations Board) kif ukoll ma’ uffiċjali tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni (l-Embryo Protection Authority), u tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni (il-Human Rights and Integration Directorate).

Fi kliem il-Ministru Carmelo Abela’; “Dan il-Gvern huwa impenjat, fost ħafna affarijiet oħrajn, favur żewġ affarijiet: li jassigura l-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini kollha, u li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Nemmnu wkoll li għandna nkunu ta’ sapport għall-familji kollha, fid-diversità tagħhom, u anki għall-individwi li lesti jagħtu l-opportunità lit-tfal biex jitrabbew fl-għozża u fl-imħabba li jixirqulhom. Lil min jixtieq li jkollu familja bl-ulied, lilna bħala Gvern dejjem sabna – u se jibqa’ jsibna – hemm biex ngħinuh, mhux biex nagħmlulu l-ostakli.”

Abela fakkar kif fl-ewwel leġiżlatura tiegħu, dan il-Gvern daħħal is-servizz bla ħlas tal-IVF u fil-manifest elettorali tal-2017 wiegħed li dan is-servizz kien se jkompli jiġi imwessa’ anki permezz ta’ titjib fil-liġi, biex ikun jirrifletti aħjar l-avvanzi li saru fit-teknoloġija, u b’hekk aktar koppji jibbenefikaw min din l-opportunità. Fil-fatt, dik il-wiegħda elettorali twettqet u f’Ottubru tal-2018 iddaħħlu fis-seħħ emendi ġodda fil-liġi tal-IVF li wessgħu s-servizzi mogħtija f’pajjiżna u taw ċans lil aktar individwi u koppji jsiru ġenituri.

Abela spjega kif dan ma kienx biżżejjed hekk kif min ikun qed jgħaddi minn din il-proċedura jkollu wkoll ħafna ħin meta ma jkunx jista’ jmur għax-xogħol minħabba testijiet, proċeduri, jew mistrieħ. Kien għalhekk li f’Mejju tas-sena 2017, ġie emendat l-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (l-EIRA) permezz ta’ Ordni ta’ Standard Nazzjonali li, permezz tiegħu, bdew jingħataw 100 siegħa leave imħallas lil dawk il-koppji li kien ikun beħsiebhom jgħaddu mill-proċess ta’ prokreazzjoni medikament assistita (IVF). Dan kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat.

Permezz ta dik il-leġiżlazzjoni, il-ġenitur li fil-proċess kienet se taġixxi bħala riċevitur ngħatat id-dritt għal 60 siegħa ta’ leave imħallas filwaqt li l-ġenitur l-ieħor ngħata d-dritt għal 40 siegħa ta’ leave imħallas. Kull koppja għandha dritt għal dan il-leave għal massimu ta’ tliet proċessi. Maż-żmien, inħasset il-ħtieġa li dan l-Ordni ta’ Standard Nazzjonali jiġi aġġornat u emendat, u il-Gvern ħadem dwar dan u propju m’illum jidħol fis-seħħ dan l-Avviż Legali li permezz tiegħu qed isir dan. Qal, kif fil-prattika, jista’ jkollok firxa wiesgħa ta’ individwi jew koppji li jistgħu japplikaw biex jagħmlu l-proċess tal-prokreazzjoni medikament assistita. Għalhekk, permezz ta’ dawn l-emendi, dawn l-individwi jew koppji issa se jkunu eliġibbli għal dan il-leave imħallas.

Lejn it-tmiem tad-diskors tiegħu, Abela saħaq li dan il-Gvern huwa impenjat li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-fierxa wiesgħa tagħhom. F’dan ir-rigward huwa qal li mit-30 ta’ Lulju, se jidħol fis-seħħ ukoll Avviż legali ieħor (262 tal-2020) li se jdaħħal fis-seħħ emendi li qed isiru fir-regolamenti dwar impjegati stazzjonati f’Malta. B’din l-Avviż Legali, Malta qed tittrasponi d-Direttiva 2018/957/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi.

Share With: