Li kiteb Jason Azzopardi kien “użu xejn feliċi ta’ termini legali” – Oliver Scicluna

Miktub Minn MARIA AZZOPARDI

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-persuni b’diżabilità Oliver Scicluna qal li lingwaġġ u terminoloġija bħal “inkapaċitat” huwa “użu xejn feliċi ta’ termini legali f’sitwazzjoni jew pjattaforma fejn il-maġġoranza kbira tal-qarrejja mhumiex avukati. Scicluna qal li kieku dik il-frażi ntqalet il-Qorti, ma kinitx tinqala’ kontroversja, “iżda bosta drabi naraw avukati li ma jadattawx il-lingwaġġ tagħhom għall-udjenza li għandhom. Lil hinn mill-kontroversja pubblika, nemmen li għandna nadattaw il-messaġġ għall-udjenza li wieħed jistenna li se jkollu.”

Scicluna kien qed jgħid dan wara li ġie mistoqsi minn inewsmalta dwar dak li kiteb fuq Facebook id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fejn, biex jitkellem f’kuntest politiku, uża t-terminoloġiji ta’ “inkapaċitat, debilitat u immobilizzat”.

Scicluna qal li minħabba li l-avukati xi drabi ma jadattawx il-lingwaġġ tagħhom għall-udjenza li għandhom, “sfortunatament dan iwassal għal miżinterpretazzjoni u anke diżgwid f’perjodu fejn wara li bosta nies għaddew minn sagrifiċċji kbar, donnhom lesti biex ifuru bir-rabja għal xulxin.” Għaldaqstant, Scicluna appella għal aktar ħsieb u inqas pika, fanatiżmu u partiġġjaniżmu mingħand kulħadd.

“Ma nistax ma nesprimix id-diżappunt tiegħi” – Omm tifel b’awtiżmu

Intant, fuq il-midja soċjali stess il-kumment ta’ Azzopardi qajjem kontroversja fejn bosta kienu dawk li ddeskrivew il-kliem użat minnu bħala “tal-mistħija” u ta’ “kundanna assoluta”.

Omm ta’ tifel b’awtiżmu kitbet, “Mingħajr ma nidħol fl-ebda kwistjoni partiġġjana u filwaqt li niddiżassoċja ruħi minn kwalunkwe opinjoni politika, ma nistax ma nesprimix id-diżappunt tiegħi għal dan il-kliem xejn xieraq u tant diżgustanti. Nies li huma b’xi mod jew ieħor influwenti fis-soċjetà tagħna m’għandhom qatt ixejjnu d-dinjità ta’ persuni b’diżabilità billi jużaw kliem bħal inkapaċitat u immobilizzat biex jitgħajjru bih.”

Fuq il-post li kiteb Azzopardi, persuna b’diżabilità staqsiet lil Azzopardi jekk kienx hemm għalfejn li bi kliemu jagħmel referenza b’mod indiretta għall-persuni b’diżabilità. Din il-persuna kitbet li Azzopardi seta’ ġab paraguni oħra u jħalli ċerti titli barra.

Għal dan Azzopardi kiteb, “mhux veru u mhux sew li kliemi jiddawwar b’mod mhux korrett biex issir referenza għal xi ħaġa li m’għidtx. Imkien ma hemm referenza għal persuni bi bżonnijiet speċjali u min jafni naħseb jikkonfermalek ir-rispett u qima li jien dejjem urejt lejn dik il-kategorija ta’ persuni tant li anke volontarjat għamilt fosthom.”

Share With: