Theuma jgħid li mar iqerr nhar it-Tnejn li għadda fis-Seminarju tar-Rabat

Hekk kif illum mistennija tkompli l-inkjesta pubblika fir-rigward tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, mistenni li jagħti x-xhieda tiegħu Melvin Theuma, l-allegat middleman fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

L-inkjesta mistennija li tibda fid-9.30 a.m.

Agħmel refresh tal-paġna biex tara l-aħħar aġġoramenti…

11.35: Theuma jibqa’ viżibbilment emozzjonat, u meta mistoqsi dwar kif qed iħossu jwieġeb li mar iqerr nhar it-Tnejn li għadda fis-Seminarju tar-Rabat.

Theuma jieqaf jagħti x-xhieda tiegħu, bl-Imħallfin jgħidulu li jista’ jerġ’a jissejjaħ skont il-bżonn.

11.34: Theuma jgħid li kien imbeżża’ dwr il-protesti mis-soċjetà ċivili. Jgħid li Fenech kien jgħidlu li Caruana Galizia kellha biss 4,000 persuna li jsegwuha.

11.30: Theuma jitkellem dwar il-kontroll li Fenech kellu fuqu, u jirrakkonta kif darba Fenech kien qal lis-sieħba tiegħu li huwa Theuma kien jagħmel kulma jqabbdu.

11.26: Mistoqsi dwar kif kien iħossu li qatel lil mara u omm, Theuma jgħid li huwa kellu jobdi lil Fenech.

Imbikkem Theuma jgħid li ħajtu ntemmet fit-3.00 p.m. tas-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Azzopardi jgħid li Daphne Caruana Galizia kienet tilfet ħajjitha, b’Theuma jgħid li huwa kien tilef ħajtu daqsha.

11.23: Azzopardi jistaqsi lil Theuma jgħid x’kien intalab minn Fenech f’jum l-elezzjoni tal-2017. Theuma jgħid li Fenech kien talbu biex jogħqod gwardja mad-dar ta’ Schembri madankollu kien irrifjuta minħabba li kien sejjer Għawdex mal-familja.

11.21: L-Avukat Jason Azzopardi jistaqsi lil Theuma għaliex Fenech kien bagħat messaġġ dwar ir-rebħa tal-Partit Laburista. Theuma jgħid li dan kien minħabba li Schembri kien jgħaddi informazzjoni lil Fenech. Azzopardi jkompli jistaqsi lil Theuma u dan jgħidu li kien jgħaddi informazzjoni lill-Fulu dwar rejds li kienu se jsiru fil-Marsa.

11.19: Comodini Cachia tistaqsi jekk Fenech kienx jaf bil-quddiem dwar id-data tal-elezzjoni ġenerali tal-2017 jew jekk kienx qattx iddiskuta għaliex l-elezzjoni kienet se tiżvolġi b’mod bikri. Theuma jgħid li Fenech qatt ma kien isemmiha u li kien sar jaf biha mill-aħbarijiet.

11.15: Theuma jgħid li Fenech ta’ spiss kienu isiefer permezz ta’ jet privat. Jgħid li Fenech kien isemmilu l-Bangladesh, dubaj, l-Azerbajġan, Ruma u Franza.

11.13: L-Avukat Therese Comodini Cachia titlob lil Theuma jispjega x’kien jiġi diskuss fil-laqgħat li kienu jsiru bejnu, Fenech u Cremona. Theuma jgħid li l-laqgħat kienu intenzjonati biex jikkalmawh u li kienu jiddiskutu l-qtil ta’ Caruana Galizia, fosthom li jitfgħu l-ħtija fuq Cardona.

11.09: Thuema jgħid li n-nies kienu jagħmlu konnessjoni bejn Cardona u Schembri u l-qtil ta’ Caruana Galizia. Jgħid li huwa kien jorbot lil Schembri mal-qtil speċjalment minħabba l-wegħda li kienet saret minn Kenneth Camilleri dwar il-bail lill-aħwa Degiorgio.

Thuema jgħid li Fenech darba kien qallu li gwardji tal-ħabs kienu rrekordjaw lill-aħwa Degiorgio jgħidu li kienu se jitfgħu l-ħtija tal-qtil fuq Cardona.

11.03: Theuma jiġi mistoqsi dwar jekk Konrad Mizzi jew persuni oħrajn involuti fil-Panama Papers kinux qatt issemmew. Huwa jwieġeb li ma jaħsibx.

Jgħid li qatt ma tkellem ma’ Cardona jew ma’ xi ħadd viċin tiegħu. Jgħid li rċieva l-flus biss mingħand Yorgen, hekk kif għamel referenza għall-€150,000.

Theuma jwieġeb ukoll li qatt ma kellu kuntatt ma’ ministri jew politiċi oħrajn.

11.00: Theuma jgħid li qatt ma ra lill-eks-Ministru Chris Cardona l-Marsa. Jgħid li Johann Cremona darba kien qallu biex jgħid li kien irċieva l-flus mingħand Cardona. Jgħid li kien qabel dwar dan minħabba li isem Cardona kien jissemma l-ħin kollu fl-aħbarijiet, anke fir-rigward tal-każ ta’ Acapulco. Jgħid li għalih kien tajjeb li kien hemm isem ieħor imsemmi fil-qtil ta’ Caruana Galiza.

10.59: Theuma jirrakkonta li Kenneth Camilleri kien urieh tliet numri tal-mowbajl, b’wieħed minnhom ikun in-numru l-antik ta’ Theuma.

Jgħid li Kenneth kien qal lil Theuma li kien spiċċa fl-inkwiet u li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Caruana Galizia.

Jgħid li kien ċaħad din l-affermazzjoni u li kien qal lil Camilleri li Fenech kien il-veru moħħ wara l-qtil.

10.56: Theuma jitkellem dwar Yorgen Fenech u Johann Cremona. Jgħid li kienu wegħduh li kienu se jgħaddulu lista ta’ postijiet li kienu se jiġu suġġetti għal rejd fl-investigazzjoni kontra l-ħasil tal-flus, id-dati. Jgħid ukoll li kienu semmew ukoll lis-Supretendent Ray Aquilina.

Mistoqsi jekk Cremona kienx jaf, Theuma jwieġeb li iva. Jgħid li kien iltaqa’ ma’ Fenech u Cremona tliet darbiet, darba Portomaso u darbtejn Ħaż-Żebbuġ.

10.54: Theuma jgħid li Fenech qatt ma pprova jikkuntattjah mindu safa arrestat. Fir-rigward tal-pulizija, Theuma jgħid li huwa dejjem tkellem mal-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, iżda mhux ma’ Silvio Valletta.

10.50: Theuma jiġi mistoqsi jekk Joseph Muscat qattx issemma. Theuma jgħid li kien semmieh darba ma’ Fenech, fejn kien issuġġerielu li jmur ikellem lill-Prim Ministru. Fenech kien qal li din tkun l-agħar ħaġa possibbli.

Theuma jgħid li hekk kif il-biża’ li kellu kompliet tikber, huwa ma baqax jafda lil Fenech.

Jgħid li rrifjuta li jsiefer miegħu u beda jibża’ li Fenech seta’ jipprova joqtlu biex jeħles minnu.

10.46: Theuma jirrakkonta ż-żjara li kellu minn Kenneth Camilleri u Johann Cremona dwar il-bail lill-aħwa Degiorgio.

Jgħid li kien konvint li Kenneth intbagħat minn Keith Schembri. Ikompli jgħid li Fenech aktar tard ikkonfermalu li Kenneth intbagħat minn Keith Schembri u kien għalhekk li dejjem poġġa lil Schembri fl-istess baskett ma’ Yorgen dwar il-qtil.

10.39: Theuma jiġi mistoqsi dwar l-impjieg li ngħatalu minn Kastilja wara laqgħa li kellu ma’ Schembri.

Jgħid li sal-lum il-ġurnata ma jafx x’kien jikkonsisti dan l-impjieg, u li qatt ma mar ix-xogħol. Jgħid li kien ħassu ppanikkjat wara li kien qara artiklu li kien għamel konnessjoni bejn il-qtil ta’ Caruana Galizia u negozjant u persuna li tilgħab il-flus. Jgħid li Fenech kien qallu biex jinjora l-artiklu.

10.37: Theuma jkompli jgħid li wara li Caruana Galizia nqatlet, Fenech kien qallu li kien jaf il-messaġġ użat biex tkun sploduta l-bomba. Theuma jgħid li kien għadda din l-informazzjoni lill-aħwa Degiorgio.

Jgħid li Fenech kien qallu li kien se jinqala’ l-inkwiet minħabba li kien qed jirċievi informazzjoni mingħand Schembri u Valletta.

Għal mistoqsija li saritlu, Theuma jgħid li ma kienx jaf jekk kienx sar negozju dwar proprjetajiet bejn Schembri u Fenech.

10.34: Theuma jgħid li Fenech kien qallu li Keith Schembri u Silvio Valletta kienu għaddewlu informazzjoni. Jgħid li ma kienx jaf jekk Valletta kienx jaf bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

10.31: Theuma jgħid li kien ossessjonat u kien jaqra l-ħin kollu l-aħbarijiet mindu kienet inqatlet Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017. Jgħid li qatt ma kien qara l-blog ta’ Daphne.

Iżid jgħid li ma kienx jaf jekk kinitix qed tikteb dwar iz-ziju ta’ Fenech u li qatt ma kien staqsa lil Fenech dwar dan.

Theuma jgħid li jiftakar lil Fenech isemmi lill-MEP David Casa dwar il-kumpanija tiegħu 17 Black.

Jgħid li darba minnhom Fenech kien qal li kien offra flus lill-Partit Nazzjonalista biex jiżgura li Casa ma jerġax jiġi elett.

Iżid jgħid li Fenech kien għamel imħatra ta’ €150,000 fuq ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali, u minn din l-imħatra kien rebaħ €150,000 oħrajn.

10.27: Jiġi mistoqsi dwar l-eks-Deputat Kummissarju Silvio Valletta. Theuma jgħid li jiftakar li kien ra lil Valletta r-razzett ta’ Fenech f’Ħaż-Żebbuġ u jgħid li kien għarfu mill-aħbarijiet.

Fenech aktar tard kien qal lil Theuma li Valletta kien qal li wiċċu kien familjari.

Theuma jkun mistoqsi dwar jekk kellu każi preċedenti l-Qroti. Jgħid li kellu tnejn, waħda dwar self ta’ flus, u oħra dwar inkwiet li kellu mar-raġel tas-sieħba tiegħu. 

10.24: Theuma jiġi mistoqsi dwar festin fil-Palazz tal-Girgenti. Jgħid li ma kienx wassal lil Fenech hemm bħalma kien irrapportat, iżda jgħid li kien Fenech kien qallu li kien mar għall-festin meta kien qed iwasslu l-ajruport.

Iżid jgħid li qatt ma wassal lil Fenech fil-kwartieri tal-Partit Laburista.

10.21: Theuma jiġi mistoqsi dwar iż-żjarat tiegħu f’Kastilja. Jgħid li kemm-il darba kien iwassal lil Fenech hemm qabel ma seħħ il-qtil ta’ Caruana Galizia, iżda ż-żjarat ta’ Fenech waqfu wara l-assassinju.

Theuma jisħaq li ma kienx jaf għaliex Fenech kien imur Kastilja.

Jgħid li Keith Schembri kemm-il darba kien iċempel lil Fenech qabel ma seħħ il-qtil ta’ Caruana Galizia. Jgħid li Fenech kien qallu li hu u Schembri kienu ħbieb u jirrakkonta kif darba minnhom Schembri kien bagħat ritratt ta’ platt fniek li kien qed isajjar lil Fenech, li min-naħa tiegħu kien urieh lil Theuma.

10.17: Theuma jżid jgħid li ftit jiem wara kien iltaqa’ mill-ġdid ma’ Fenech, b’dan ma jsemmilu xejn dwar il-qtil. Jgħid li kien ċempillu fejn talbu jwasslu l-ajruport, u kien f’din iċ-ċirkostanza li ħareġ envelop li kellu ammont ta’ flus kontanti.

Theuma qal li minn dakinhar ’il quddiem Fenech kien jibbumbardjah biex iħeġġeġ lill-aħwa Degiorgio biex joqtlu lil Caruana Galizia.

10.14: Wara li informa lil Fenech, Theuma jgħid li dan tal-aħħar approva l-arranġament, iżda meta kienet tħabbret l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Fenech kien talbu biex iwaqqaf il-pjan. Jgħid li Fenech kien reġa’ kellmu dakinhar tal-elezzjoni fejn kien talbu biex ikompli bil-pjan tal-qtil ta’ Caruana Galizia.

Theuma jgħid li Fenech kien jinstema’ xurban u allura ma għamel xejn.

10.10: Theuma jgħid li meta kien iltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio l-Marsa u informah li kien hemm min ried joqtol lil Caruana Galizia, huwa ma kienx żvela isem Fenech. Ikompli jgħid li t-tnejn reġgħu ltaqgħu f’kafetterija l-Imsida fejn kienu ddiskutew dwar it-termini tal-ħlas: €150,00, bi €30,000 minnhom jitħallsu bil-quddiem.

10.06: Theuma jiġi mistoqsi jekk kien ixxukkjat meta Fenech talbu biex joqtol persuna.

Theuma jgħid li obdieh u ma rrealizzax f’liema inkwiet kien se jispiċċa. Huwa jgħid li Fenech qatt ma kien semma lil Caruana Galizia preċedentement, u li jaħseb li talbu minħabba li kien ħabib mal-aħwa Degiorgio.

10.00: Theuma jgħid li kif darba minnhom Fenech kien talbu jiltaqa’ miegħu fir-restorant Blue Elephant, fejn kien qallu li ried joqtol lil Caruana Galizia minħabba li kienet se tippubblika xi ħaġa fuq zijuh. Theuma jikkonferma li kien jaf lil George Degiorgio, magħruf bħala iċ-Ċiniż, u lil ħuh Alfred il-Fulu.

9.57: L-Imħallef jistaqsi lil Theuma jekk kien jikkunsidra lil Fenech bħala ħabib. Jgħid li preċedentement kien iqisu bħala ħabib iżda mhux issa. “Fenech l-agħar raġel f’Malta … fid-dinja,” jgħid Theuma.

Meta mistoqsi jekk kienx mhedded minn Fenech, Theuma jgħid li ma kienx.

F’dan il-punt l-Imħallef Abigail Lofaro tgħid li allura Theuma involva lilu nnifsu għax ried hu minħabba li seta’ jirrifjuta.

9.55: L-Imħallef Michael Mallia jibda jistaqsi lil Theuma dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Theuma jispjega li kien jopera taxi mill-iżvilupp ta’ Fenech f’Portomaso.

9.21: Theuma jinsab barra l-awla akkumpanjat minn żewġ uffiċjali armati. Preżenti wkoll l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia li se jkun qed jidher għall-familja Caruana Galizia.

Share With: