Liverpool ħames punti ‘l bogħod mir-rebħ tat-titlu

Liverpool marru f’Goodison Park u setgħu biss jispiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Everton biex issa jinsabu ħames punti ‘l bogħod biex jiġu dikjarati champions meta fadal tmien partiti.

Fil-veritá, id-derby ta’ Merseyside kien wieħed diżappuntanti meta kien ferm ‘il bogħod mill-eċċitament tas-soltu.

Il-fatt li dan il-konfront intlagħab bil-bibien magħluqa u t-team ta’ Everton niżel b’tattika  difensiva għall-aħħar … żvolġa f’wieħed monotonu.

Liverpool iddominaw il-pussess tal-ballun iżda bdew jaslu sal-kaxxa l-kbira u bl-ebda mod ma setgħu jippenetraw minħabba li l-players ta’ Everton iffollaw din iż-żona bil-konsegwenza li r-Reds ma tantx indirizzaw xuttijiet perikolużi.

Min-naħa l-oħra, il-goalkeeper ta’ Liverpool, Alisson Becker, ma kellux x’jagħmel ħlief għal żewġ xuttijiet li setgħu ssarrfu f’goals. Dawn waslu fit-78 minuta meta laqa’ fuq xutt djagonali ta’ Tom Davies li mir-rebound laqat sieq il-lasta … u fit-82 minuta meta Richarlison għeleb lil Dejan Lovren u b’xutt angolat ġiegħel lill-istess Alisson isalva bi tbatija.

Share With: