Maradona se jittieħed il-qorti minn uliedu stess

Diego Maradona se jkun qed jittieħed il-qorti miż-żewġ uliedu bniet, Giannina u Dalma, minħabba l-vizzju tiegħu tal-alkoħol.

L-ikona Arġentina ilu jbati minn dan il-vizzju għal diversi snin u l-familja tiegħu tinsab ferm inkwetata minħabba saħħtu.

Giannina, li kienet miżżewġa lill-attakkant ta’ Manchester City, Sergio Aguero, bejn l-2008 u l-2012, tkellmet rigward missierha. Hija ilha għal diversi snin ikollha problemi ma’ missierha rigward dan.

Inċidenti riċenti ra lil Giannina ssib lil missierha jifga waqt li kien xurban f’għeluq sninu f’Ottubru li għadda.

Filmat ieħor li ttieħed fil-jiem li għaddew juri lil Maradona evidentamet fis-sakra jiġbed persuna oħra waqt li kien qed jiżfen mal-ex għarusa tiegħu, Veronica Ojeda.

Ojeda stqarret li l-filmat li sa issa dar mal-erbat irjieħ tad-dinja kien ittieħed  fil-Messiku “iktar minn sena ilu,” u għamlitha ċara li min xerred dan il-filmat kellu skopijiet “malizzjużi”.

Wara dan kollu bintu Giannina kisret is-silenzju u fuq il-programm ferm popolari li jixxandar fl-Arġentina ‘Intrusiones’ ħabbret li hija se tkun qed tieħu l-każ ta’ missierha fil-qrati ġudizzjarji.

Min-naħa l-oħra, oħtha Dalma se tkun qed tassistiha f’dan il-proċess, hekk kif Giannina qalet li: “Wasalt f’punt fejn ma rridx nara iktar lil missieri jiġi mwaqqa’ għaż-żufjett minn sħabu minħabba l-istat ta’ sokor li jkun fih.”

Share With: