Mark Zuckerberg jitlef mas-$7 biljun hekk kif il-Coca-Cola jwaqqfu r-reklami fuq il-midja soċjali għal 30 ġurnata

Aġenziji kbar tar-reklamar qegħdin jagħmlu bojkott fuq Facebook u dan qed iwassal biex Mark Zuckerberg jitlef ħafna mill-prezz tal-ishma tal-midja soċjali u anke mill-flus li jaqla’.

Fil-fatt, jirriżulta li tilef $7.21 biljun mis-Sibt li għadda, filwaqt li l-prezzijiet tal-ishma ta’ Facebook niżlu bi 8% sal-bieraħ. 

Il-Coca-Cola kienet l-aħħar fost l-akbar ditti li ssieħbu mal-kampanja #StopHateforProfit li qiegħda ssir minn gruppi tad-drittijiet ċivili Amerikani. Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, James Quincey qal ilbieraħ li l-kumpanija se twaqqaf ir-reklami kollha fuq il-midja soċjali għal 30 ġurnata filwaqt li tevalwa l-politiki tagħha. Hu saħaq li fid-dinja m’hemmx post għar-razziżmu, bħalma lanqas m’hemm post għar-razziżmu fuq il-midja soċjali 

Din il-kampanja ġiet imnedija fid-19 ta’ Ġunju wara l-mewt ta’ George Floyd. Bdiet peress li Facebook ma riedx ineħħi l-post tal-President Amerikan Donald Trump, li kienet thedded lid-dimostranti bi vjolenza. 

Minħabba f’hekk, kumpaniji kbar bħal Unilever, Hershey Co, North Face, Verizon u oħrajn waqqfu r-reklamar ma’ Facebook u pjattaformi oħra simili.

Share With: