“M’għandi xejn x’naħbi”; L-eks-PM Joseph Muscat dwar l-allegazzjonijiet b’rabta mal-windfarm fil-Montenegro

L-eks-Prim Ministru Joseph Muscat fid-dawl tar-rapport ippubblikat mill-aġenzija Reuters li jallega kif Yorgen Fenech, permezz tal-kumpanija 17 Black għamel qligħ ta’ flus jiem wara li l-Enemalta xtrat windfarm fil-Montenegro, qal li din l-informazzjoni hija totalment ġdida għalih. “Dan kollu jista’ jiġi verifikat,” saħaq Muscat.

Intant f’messaġġ li ppubblika fuq il-midja soċjali, Muscat saħaq li “minn issa li lest li naghti disponibilta’ shiha tieghi lill-Pulizija biex naghti kull informazzjoni u nwieġeb kull mistoqsija li jista’ jkollhom. M’għandi xejn x’ naħbi.”

Konrad Mizzi jisħaq li l-Enemalta għandha tippubblika l-informazzjoni dwar il-proġett ta’ Montenegro

Intant l-eks-Ministru Konrad Mizzi qal li “l-Enemalta għandha tippubblika l-informazzjoni kollha dwar il-proġett ta’ Montenegro, biex ikun hemm trasparenza sħiħa u tevita li ssir spekulazzjoni fuq xi aspett finanzjarju ta’ dan il-proġett.” 

F’kumment li għamel fuq il-midja soċjali, Mizzi qal li dan il-proġet ġab biss profitti għall-Enemalta. Qal li grazzi wkoll għal dan il-proġett il-kumpanija setgħet tissaħħaħ aktar u t-tarifi tad-dawl jinżammu baxxi u sostenibbli.

“Importanti li l-Enemalta tinforma lil-pubbliku li dan il-proġett qed itiha rata ta’ dħul garantita ta’ mill-inqas 9.4%,” saħaq Mizzi.

Huwa żied jgħid li dan kien wieħed minn numru ta’ proġetti internazzjonali ikkunsidrati mill-SEP u mill-Enemalta, li riedu jesploraw joint ventures fl-Ewropa u b’hekk isaħħu l-kooperazzjoni ta’ bejniethom. 

Fl-istess waqt emfasizza li l-involviment tiegħu bħala Ministru responsabbli għall-enerġija, kien li jfassal il-politika tal-enerġija għall-pajjiż, u għall-Enemalta, u li jara li l-kumpanija tissaħħaħ.

Share With: