“Mhux minnu li ma jistgħux imorru l-quddies”

Kelliem għall-Kurja jikkonferma li l-anzjani u l-vulnerabbli mis-Sibt u l-Ħadd li ġej jistgħu jerġgħu jibdew jattendu għall-quddies

Miktub minn CARMEN CACHIA

Xi persuni baqgħu perplessi meta saru jafu li hemm lokalitajiet li fihom l-anzjani ta’ ‘l fuq minn 65 sena ma kienux se jkunu jistgħu jmorru għall-quddies. Dan is-sit għamel kuntatt mal-Kurja fejn kelliem qalilna li dan mhux minnu u li fil-preżent, persuni ta’ ‘l fuq minn 65 sena u persuni vulnerabbli ma jistgħux jgħinu waqt il-quddies, imma dawn jistgħu jattendu minn nhar is-Sibt u l-ħadd li ġej. 

It-tħassib ta’ dawn il-persuni huwa raġjonevoli minħabba l-fatt li ħafna milli jattendu l-quddies huma anzjani u li għalihom il-quddies hija ta’ importanza kbira u devozzjoni. Il-Kurja qalet li d-direttivi li ħarġet jispjegaw b’mod ċar u m’hemm imkien imniżżel li l-persuni ta’ l fuq minn 65 sena u l-vulnerabbli ma jistgħux jattendu għall-quddies. 

Is-servizzi reliġjużi fil-knejjes f’pajjiżna twaqqfu fost affarijiet oħra minħabba l-miżuri meħuda mill-Gvern biex ma jinxteridx il-Covid-19. Dawn il-miżuri bdew jiġu rilaxxati biex il-pajjiż bil-mod il-mod jirritorna għan-normalità u fost l-aktar affarijiet imfittxija mill-poplu Malti, b’mod partikolari mill-anzjani, hija proprju l-quddies.

Fit-2 ta’ Ġunju saret il-laqgħa tal‑Konferenza Episkopali Maltija fejn fit-tmiem tagħha, l‑Arċisqof Charles Scicluna ħabbar li mis‑Sibt‑13 ta’ Ġunju filgħaxija u l‑Ħadd 14 ta’ Ġunju, nhar il-festa ta’ Corpus Christi, se terġa’ tibda tiġi ċċelebrat il‑quddies bil‑preżenza tal‑pubbliku. Il-Kurja qalet li din id-deċiżjoni tal‑Isqfijiet ittieħdet b’konsultazzoni mal‑awtoritajiet tas‑saħħa. 

F’kull knisja se jkun stipulat l-ammont massimu ta’ nies li jistgħu jattendu għall-quddies, kemm jekk din tkun iċċelebrata ġewwa, kif ukoll barra. In-numru tal-persuni se jkun ibbażat fuq il-kobor ta’ kull knisja u dawk li jattendu huma mitluba li jżommu d-distanza soċjali, jużaw il-maskra u s-sanitizzazzjoni. Il-Kurja qalet li d-distanza soċjali hija ta’ żewġ metri u li din ma tapplikax għall-persuni li jgħixu fl-istess residenza.

Dan se jsir ukoll f’każi ta’ funerali fejn se tittieħed it-temperatura ta’ min ikun dieħel fil-knisja. Persuni bid-deni jew sintomi tal-influwenza ma jitħallewx jidħlu għall-quddies. Il-Kurja qalet li waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddies m’għandu, fl-ebda ħin, ikun hemm kuntatt fiżiku ma’ persuna oħra. Għat‑tqarbin, in-nies għandhom jibċgħu f’posthom u s‑saċerdot imur iqarben fl‑idejn lil dawk preżenti b’visor, wara li jkun ħasel idejh bis‑sanitiser. 

Fi tmiem il‑quddiesa, dawk preżenti jridu joħorġu b’mod ordnat u b’ħarsien tal‑miżuri tad‑distanza soċjali. Dawn il-miżuri ta’ prevenzjoni implimentati fl-Ariċidjoċesi ta’ Malta u t’Għawdex se jkun evalwati b’mod regolari u b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa. 

Sadanittant il-Kurja ħabbret li d-dispensa mill-obbligu tal-quddies ta’ nhar ta’ Ħadd, għalissa se tibqa’ fis-seħħ u li l-quddies ta’ kuljum se tibqa’ tixxandar fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Share With: