Miċħud l-appell fuq tmiem l-istaġun ta’ Ligue 1

L-ogħla qorti amministrattiva ta’ Franza l-bieraħ ċaħħdet appell minn tliet clubs biex ireġġgħu lura deċiżjoni li ttemm l-istaġun tal-football ta’ Ligue 1 kmieni kawża tal-kriżi tal-Covid-19, iżda ddeċidiet li r-relegazzjoni għal Amiens u Toulouse kienet sospiża.

Id-deċiżjoni tal-kampjonat tal-footbol Franċiż li ttemm l-istaġun meta kien fadal 10 logħbiet kienet tfisser li Lyon naqsu milli jikkwalifikaw għall-Ewropa permezz tal-klassifika ta’ Ligue 1, filwaqt li Amiens u Toulouse ġew relegati.

Id-deċiżjoni waslet wara li f’April il-Gvern qal li l-ebda sport professjonali ma jitħalla jirritorna qabel Settembru. Minn dak in-nhar qal li l-logħbiet finali tat-Tazza Franċiża għal dan l-istaġun jistgħu jsiru f’Lulju u f’Awwissu. It-taħriġ għat-timijiet issa reġa’ beda.

“L-imħallef jivvalida t-termini definiti mill-kampjonat, b’mod partikolari għall-klassifikazzjoni ta’ Ligue 1,” qal il-Kunsill tal-Istat fi stqarrija.

“Fi proċeduri sommarji l-Imħallef jissos­pendi r-relegazzjoni f’Ligue 2 ta’ Amiens u Toulouse,” żiedet tgħid l-istqarrija.

Minħabba li żewġ timijiet ġew promossi minn Ligue 2, il-Kunsill tal-Istat ordna wkoll lill-LFP biex jirrevedi l-kampjonat tiegħu għall-istaġun li jmiss. Ultimament dan fl-aħħar jista’ jwassal għal kampjonat bi 22 team għall-kampanja 2020-21.

Share With: