MINN DAWK LI TELQU

Miktub minn ALFRED SANT

Intqal li minħabba l-imxija tal-corona virus, “eluf” ta’ ħaddiema barranin telqu jew se jitilqu minn Malta, l-aktar għax spiċċaw bla xogħol.

Ikun tajjeb li b’mod publiku, tingħata rassenja ta’ min kienu dawn in-nies. Ovvja, mhijiex kwistjoni ta’ ismijiet, imma ta’ għarfien dwar fejn naqsu l-ħaddiema fl-ekonomija minħabba fit-tluq tagħhom. Jekk hux f’setturi tekniċi meħtieġa jew jekk hux fejn ma hemmx bżonn ta’ snajja. 

Fl-aħħar snin, l-ekonomija Maltija żviluppat ukoll bis-sehem li ħadu fiha ħaddiema barranin. Qatt ma kienet ħaġa ċara kemm minn dawn kienu qed jaħdmu f’infrastruttura jew f’faċilitajiet produttivi essenzjali. 

Talanqas issa tajjeb li nkunu nafu dil-ħaġa dwar dawk li telqu.

Biex wieħed ikun ċar – l-ilmenti li smajt dwar li naqsu dawn in-nies kienu fil-catering u l-lukandi, l-aktar għal impjiegi f’karigi li ftit iridu taħriġ. Mhux bilfors li kien hekk għal kulħadd.

POLITIKA DWAR L-IMMIGRANTI

It-talbiet li jsiru biex f’Malta ikollna politika waħda dwar l-immigrazzjoni “irregolari” jikkonfonduni ftit. Sa fejn naf jien, din il-politika teżisti. Iż-żewġ partiti l-kbar jaqblu fuqha. Hi ħaġa normali imbagħad li meta jinqalgħu xi inċidenti, iż-żewġ naħat jaraw kif se jagħtu gambetta lil xulxin.

Il-punt hu li l-linji ġenerali ta’ kif għandna nġibu ruħna bħala pajjiż huma maqbula. Mhux l-anqas li nistennew appoġġ sħiħ mill-Unjoni Ewropea meta l-immigranti li jaslu għandna jiġu biex jitqassmu bejn il-pajjiżi membri l-oħra tal-Unjoni. Dan l-appoġġ mhuwiex jingħata.

Jistgħu jaqblu kemm jaqblu bejniethom il-forzi politiċi u soċjali tal-pajjiż, jekk dil-problema ma tinħallx, fejn aħna se nibqgħu. Mhijiex waħda li se tissolva minn Malta.

FATTUR NEGATTIV 

Il-mod kif pajjiżi differenti se jkunu ntlaqtu ekonomikament mill-kriżi tal-corona virus mhux se jkun l-istess. Tant li pajjiżi li jidhru li sa issa marru tajjeb, għad jistgħu jaqilgħu fost l-aqwa daqqiet ekonomiċi.

Pereżempju, fattur li jaffettwa b’mod negattiv jista’ jkun dak taċ-ċokon. Speċjalment għal pajjiż li jkun jiddependi sew mit-turiżmu. Sakemm das-settur jirpilja, se jkun hemm bżonn żmien li matulu l-vjaġġaturi jerġgħu jibnu l-fiduċja tagħhom f’safar lejn barra. 

Pajjiżi jistgħu jilqgħu xi ftit jew ħafna għal dil-ħaġa billi jkabbru t-turiżmu fl-intern tal-pajjiż. U hekk qed jagħmlu, inkluża Malta – u sew jagħmlu. Imma kemm għandha nifs aqwa minn tagħna ngħidu aħna – il-Ġermanja biex issostni t-turiżmu kollu li kellha qabel il-kriżi, b’dak intern? Fiċ-ċokon tagħha, l-ekonomija tagħna ma tistax tipprovdi l-istess solljev. Il-fattur taċ-ċokon għandu jitqies bħala fattur negattiv f’dan l-isfond u għandu jiġi kumpensat. Niddubita kemm se jiġri hekk. 

Share With: