“Mira ta’ 700,000 turist sal-aħħar tas-sena”

Tgħid dan il-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli fil-Parlament

Minn VICTOR VELLA

Il-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli iddikjarat fil-Parlament li “aħna dejjem konna konsistenti meta se niftħu għat-turiżmu. Dejjem għedna li se jkollna turiżmu fis-sajf. Waqt li pajjiżi oħra raw it-turiżmu tagħhom jikkrolla għax eluf ta’ ħaddiema tilfu l-impjieg, Malta salvat 100,000 impjieg. L-isfida konna kapaċi indawwruha f’opportunità.  Kien ċertifikat li ngħata mill-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea, li qalu li Malta se tkun l-ewwel li se toħroġ minn din is-sitwazzjoni. Konna l-uniku pajjiż li qbadna €5 miljuni u investejnihom biex il-ħaddiema fit-turiżmu jitħarrġu. Malta kienet fost l-uniċi pajjiżi fid-dinja fejn ma qatgħetx ir-reklamar tal-pajjiż. Ma nistgħux inġibu it-2.75 miljun turist li kellna is-sena li għaddiet.  L-aspirazzjonijiet tagħna huma li sa l-aħħar ta’ din is-sena ikollna minn tal-inqas 700,000 turist. Ambizzjuża? Iva jista’ jkun, imma rridu nimmiraw għall-għoli.”

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet dan waqt li kienet qed tagħlaq id-dibattitu dwar l-estimi u dħul u nfiq tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għas-sena 2020.  

Iddikjarat li “€44 miljun tajnihom lil Maltin u l-Għawdxin f’vawċer u lit-turist mhux nikkunsidraw li ntuhom lit-turisti imma għandna pjan biex lil dawk it-turisti li ġejjin fix-xhur barra s-sajf, se jkunu qed jieħdu somma flus biex jonfquha f’pajjiżna.”

Spjegat li “irrid mekkaniżmu ċar ta’ kif għandhom ikunu l-kriterji ta’ kif wieħed jingħata sponsor. Nifhem li jista’ jkun hemm xi ħadd li jagħmel ktieb jew festa f’raħal li jitolbu sponsor għax ikun jixtiequ li jiġu imwieżna. Ejja nagħmlu kriterji ċari ta’ kif jingħataw u hemm diġa direzzjoni ċara u draft avvanzata u din fi ftit ġimgħat oħra se tkun pubblika.”

Tenniet li “kien issemma Lionel Gerada. Qatt ma ħadt il-kirxa ma’ dan il-bniedem. Min staqsieni fil-hangar dwar Lionel Gerada, ma kellhomx il-kukki biex iġibu dak li jien għedt. It-tweġiba tiegħi kienet ibbażata fuq fatti.  Dawn staqsewni li snin ilu, mhux issa, għamel żball. X’qed ngħidu? Li kull min żbalja u ħallas ma ntuhx ċans li jitgħallem u terġa’ tibda l-ħajja mill-ġdid?  Kemm il-omm u l-missier ġarrbu hekk? Ngħidlek li kieku llum nofs Malta ma tingħatax iċ-ċans tal-ħabs. Jekk jinstab fatt wieħed li mexa ħażina, itir dak il-ħin kif ġara lil xi wħud”.

Hi qalet li “nirringrazzja lil kull ħaddiem li għandna fis-settur turistiku u nħarsu b’ottimiżmu lejn nhar l-Erbgħa li ġej, fejn se niftħu l-bibien lit-turisti.  Malta hi b’ċertezza l-aktar pajjiż sigur.  Mhux kull pajjiż hu mogħni bi storja u l-ospitabilità tal-poplu Malti u Għawdxi”.

Share With: