L-ewwel konferenza tal-aħbarijiet tal-Kummissarju … Gafà se jkun qed iżomm kuntatt kontinwu

“Jien dejjem kien fil-pjan tiegħi li nkompli nżomm kuntatt regolari f’mumenti sbieħ u anqas sbieħ.” Hekk beda l-konferenza tal-aħbarijiet tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.

Huwa qal li minkejja li ħafna mill-korp jaħdem minn wara l-kwinti, issa jemmen li din il-kariga tirrikjedi li jżomm kuntatt mal-pubbliku. Qal li l-għan prinċipali tiegħu hu li jkun hemm fiduċja tal-poplu fil-korp tal-Pulizija.

Il-Korp tal-Pulizija se jkun qed jippubblika strateġija ta’ trasformazzjoni. Bħal kull istituzzjoni oħra trid tevolvi u għalkemm mhux faċli li tkun qabel il-kriminal, jeħtieġ li jkunu preżenti fil-komunità biex din tiġi kkontrollata.

“Korp immexxi minni mhux se jkun influwenzat minn ebda isem”

Il-Kummissarju qal li l-korp tal-Pulizija qed jaffaċċja numru ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Qal li Korp immexxi minnu mhux se jkun influwenzat minn ebda isem. Mistoqsi dwar membri jew eks membri fil-Korp li b’xi mod kienu involuti f’allegat ħruġ ta’ informazzjoni, Gafà wieġeb li l-korp aviċina lill-Maġistrat u hemm kollaborazzjoni sħiħa mal-Maġistrat Inkwerrenti.

Dwar il-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, huwa qal li dan kien każ partikolari u li jemmen li l-ġustizzja mhux biss trid issir imma trid tidher li qed issir. “Żgur li mhux se nittolera ebda skartar fuq il-post tax-xogħol”, kompla l-Kummissarju.

“Nagħti 100% garanzija li se ninvestigaw kull każ ta’ korruzzjoni” 

Qal ukoll li se joffri garanzija ta’ 100% li kull każ ta’ korruzzjoni se jkun qed jinvestigah. Żied jgħid li l-Pulizija fid-dmir tagħha li kwalunkwe investigazzjoni, ex officio, għandha l-obbligu li ninvestigaw u dak li se nkunu qed nagħmlu. Huwa ħabbar ukoll li s-sezzjoni tar-reati ekonomiċi fil-Pulizija se jkun immexxi mill-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo li kienet ukoll waħda mill-kontestanti għall-kariga ta’ Kummissarju. Huwa jemmen li għandha l-kriterji kollha biex tmexxi dan id-Dipartiment.

Gafà qal li l-każ tiegħu juri li l-passat huwa l-garanzija tal-futur. Qal li qatt ma ddejjaq jinvestiga lil ħadd. Huwa qal li se jkun qiegħed jitlob aġġornament dwar il-każijiet. Huwa wieġeb b’dan il-mod għall-mistoqsija għaliex il-pubbliku għandu jemmnu li hu se jkun differenti minn ta’ qablu.

Share With: