Napoli jirbħu l-Coppa Italia
Napoli rebħu l-Coppa Italia għas-sitt darba meta għelbu lil Juventus 4-2 bl-għoti tal-penalties wara li finali spiċċat fi draw ta’ 0-0.
Kienu Juventus li ħarġu aktar aggressivi iżda mal-ħin Napoli bdew jissetiljaw u saħansitra bdew jheddu fuq il-lasti avversarji.
Iżda l-ewwel xutt denju wasal minn Juventus, fl-20 minuta meta Rodrigo Bentancur venven xutt minn tarf il-kaxxa biex ġiegħel lil Alex Meret isalva bi tbatija.
Ir-reazzjoni ta’ Napoli kienet waħda mmedjata hekk kif Lorenzo Insigne laqat il-lasta.
Fl-40 minuta, l-istess player għeleb lill-goalkeeper Buffon iżda Alex Sandro biegħed il-periklu bir-ras.
Fis-67 minuta, Buffon salva ma’ sieq il-lasta fuq xutt ta’ Matteo Politano minn barra l-kaxxa.
Erba’ minuti wara, Arkadiusz Milik għamel l-impossibbli meta minn taħt il-lasti xeħet ferm għoli.
Fil-81 minuta, Buffon salva goal ċert meta salva fuq daqqa ta’ ras ta’ Politano.
Fil-ħin miżjud Eljif Elmas laqat il-wieqfa għal Napoli minn metru bogħod …biex il-logħba kellha tmur għall-għoti tal-penalties.
Għal Napoli skorjaw Lorenzo Insigne, Matteo Politano, Nikola Maksimovic u Arkadiusz Milik.
Għal Juventus skorjaw Leonardo Bonucci u Aaron Ramsey iżda fallew Paulo Dybala u Danilo.