“Nemmen li Malta fortunati ħafna li għandna livell għoli tas-saħħa”

Il-mudella u l-infermiera Alexia Pauline Tabone temmen li jekk nibqgħu nimxu bil-mod kif qed nimxu, il-futur se jibqa’ sabiħ għalina lkoll

Miktub minn MARIA AZZOPARDI

Alexia Pauline Tabone, li għandha 26 sena, minn dejjem xtaqet li taħdem fil-qasam tas-saħħa. Hija qalet li tgħin lil ħaddiehor għaliha hu dmir ta’ kull individwu. “Għażilt li nsir infermiera għax hi vokazzjoni li tkun verament viċin il-pazjent u l-familja tiegħu,” qalet Alexia. Apparti minn hekk, Alexia Pauline għandha l-passatemp tal-immudellar tant li rebħet it-titlu ta’ Miss Malta fl-2018. Hija tistqar li kemm mill-professjoni bħala infermiera kif ukoll dik tal-immudellar għenuha ħafna fil-ħajja tant li tgħid li l-immudellar għena biex tqajjem kuxjenza fuq sitwazzjonijiet li tixtieq li tara jinbidlu. Dan għaliex bħala mudella tenfasizza ħafna biex l-anzjani tagħna ma jiġux abbandunati fil-homes u l-isptarijiet.

“Bħala infermiera tgħallimt ħafna u preparajna għal eventwalità li jiżdiedu l-każi”

Id-dinja tal-moda u spetakklu ġew milquta ħafna minħabba l-COVID-19 għax ħafna mudelli kellhom jieqfu mix-xogħol tagħhom peress li riedu  jobdu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u jagħmlu ‘social distancing’. Alexia Pauline qalet li min-naħa l-oħra, bħala infermiera tgħallmet ħafna u ppreparaw għal eventwalità li jiżdiedu l-każi. Hija qalet li fl-isptar ix-xogħol ma waqafx pero ħadmu id f’id mad-Dipartment tas-saħħa biex jaraw li kull pazjent jibqa’ jiehu l-kura kollha li jkollhu bżonn. 

Hija qalet li mill-aspett professjonali tagħha bħala infermiera, temmen li Malta fortunati ħafna li għandna livell għoli tas-saħħa. Hija qalet li l-infermiera, tobba u kull professjonist ieħor fil-qasam tas-saħħa hu ddedikat u professjonali f’xogħlu. “Jekk nibqgħu nimxu bil-mod kif qed nimxu, filwaqt li n-nies jibqgħu jsegwu stil ta’ ħajja sana, nemmen li l-futur se jibqa’ sabiħ għalina lkoll,” qalet Alexia Pauline.

Mistoqsija dwar liema kienu l-iktar esperjenzi li tibqa’ tgħożż f’qalbha, hija qalet li bħala immudellar bla dubju dan il-mument kien meta rebħet it-titlu ta’ Miss Malta għax ma kienx sodisfazzjon personali biss imma għamlet lill-ġenituri u l-familja tagħha kburin biha. “Li tkun Miss Malta hi responsabiltà kbira għax tkun qed tirrappreżenta lill-pajjiż kollu. Tgħallimt li qatt m’għandi naqta’ qalbi u meta vera taħdem għal xi ħaġa jirnexxilek twettaq ix-xewqat tiegħek,” stqarret Alexia Pauline.

Minn naħa l-oħra bħala infermiera hija qalet li żgur u mhux forsi tibqa’ tiftakar il-jum li gradwat bħala infermiera għax min hemm setgħet tibda tkun ta’ servizz għal ħaddiehor. “Pero kull ġurnata f’dan ix-xogħol hi ġurnata li ngħożż għax dejjem tmiss il-ħajja ta’ xi ħadd b’mod speċjali jew ħaddiehor imiss il-ħajja tiegħi b’mod speċjali wkoll,” qalet l-infermiera u l-mudella.

“Id-determinazzjoni, il-perseveranza u l-kuntentizza huma ċ-ċavetta għal kull suċċess”

Alexia Pauline qalet li fil-ħajja se ssib minn jaqtalek qalbek jew jipprova jbaxxilek il-moral, “pero jekk ikollok kuxjenza nadifa, tagħraf minn huma l-vera ħbieb tiegħek u taħdem għal dak li tixtieq, ħadd u xejn m’għandu jwaqfek milli tkompli tirsisti biex twettaq il-ħolm tiegħek. Mhux dejjem faċli li tegħleb l-ostakli pero jien sibt sapport mill-familja tiegħi, il-boyfriend u l-kollegi tiegħi li dejjem kienu hemm għalija biex ikomplu jarawni mixja ‘l quddiem.”

Mistoqsija dwar x’motto għandha fil-ħajja, hija tħobb tuża dan: ‘Id-determinazzjoni, il-perseveranza u l-kuntentizza huma ċ-ċavetta għal kull suċċess’. Hija temmen li fil-ħajja trid tkun kuntenta f’kull ħaġa li jkollok ħsieb li twettaq. Apparti minn hekk, temmen li qatt ma rridu nieqfu noħolmu għax meta tieqaf toħlom titlef l-iskop ta’ futur sabiħ.

“Jiena bniedma li noħlom ħafna u għalkemm ġieli l-ħolm tiegħi jkun jidher daqsxejn impossibbli nara x’nagħmel biex naħdem kemm niflaħ ħalli nwettaq kull ħolma. Fil-ħajja xejn mhu impossibbli jekk vera tkun determinata u lesta li taħdem għal dak li tixtieq,” temmet tgħid Alexia Pauline.

Min hi Alexia Pauline Tabone?

Alexia Pauline Tabone għandha 26 sena. Gradwat darbtejn mill-Università ta’ Malta fis-sena 2016 u fl-2019. Bħalissa hija qed tkompli l-istudji tagħha b’Master of Science in Health Systems Management and Leadership. Il-ħolma tagħha hi li tkun parti mill-amministrazzjoni tal-isptar u lecturer.

Alexia Pauline Tabone tagħmel parti minn familja ta’ erba’ persuni (missierha, ommha, oħta u hi). Għandha passjoni kbira lejn l-annimali speċjalment il-klieb fil-fatt għandha żewġt iklieb li ma timmaġinax ħajjitha mingħajrhom.

Bħala passatemp għandha l-immudellar, performing arts, gym u vjaġġar. Hija bdiet timmudella ta’ tliet snin u kellha ħafna opportunitajiet kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna pero żewġ esperjenzi li se tibqa’ tgħożż huma meta fis-sena 2018 rebħet it-titlu ta’ Miss Malta u fit-2019 irrappreżentat lil Malta f’waħda mill-ikbar konkorsi tas-sbuħija fid-dinja ‘Miss Earth’ li sar ġewwa l-Filippini.

Share With: