Nibnu r-realta’ ġdida

Miktub minn BENNY BORG BONELLO

Il-coronavirus tatna opportunita’ biex nibnu realta’ ġdida.  Waqt li konna fl-eqqel tal-pandemija, kulħadd aċċetta li hemm bżonn li nibnu din ir-realta’.  Din ir-realta’ kienet aċċettata għaliex konna ristretti milli nagħmlu ċerti affarijiet biex ma nkomplux inxerdu dan il-virus.  Barra minhekk, kulħadd kien għaraf li din ir-realta’ ġdida għandha vantaġġi għaliex tippreparana għall-futur.  Issa li l-affarijiet qed jinbidlu jidher li hemm numru ta’ nies mhux ħażin li din ir-realta’ ġdida li konna nitkellmu u naċċettaw, diġa’ kważi nsewha u qed nerġgħu nibnu r-realta’ l-antika.

X’hini d-differenza ta’ dawn iż-żewġ realtajiet?  Id-differenza prinċipali mhix il-bażi u l-għanijiet ta’ ħajjitna iżda kif naslu għal dawn ir-realtajiet b’mod ġdid.  Meta konna fl-eqqel tal-epidemija, konna qed inħabblu moħħna biex naraw kif filwaqt li nżommu l-bażi tal-ħajja tagħna, naslu għal dan b’mod li la jkun periklu barra li nkunu aktar effiċjenti mill-mod kif konna naslu għall-għanijiet tagħna fl-imgħoddi.

Bdejna nfasslu u nippruvaw modi ġodda.  Veru li mhux kulħadd kien jagħmel hekk għax kien hawn grupp li kull ma għamlu kien li waqqfu ħajjithom u bdew jistennew sakemm il-ħajja terġa’ tmur lura għal kif kienu jafuha.  Issa li erġajna bdejna niftħu l-ħajja kollha, dawn mal-ewwel abbandunaw  dak it-tibdil li konna daħħalna, minkejja li l-virus għadu fostna.  Eżempju ta’ dan, hu t-trasport pubbliku.  Illum taħsibha darbtejn jekk għandekx tirkeb tal-linja minħabba li għandek ħafna nies li jitilgħu mingħajr maskra u oħrajn kif jitilgħu jniżżluha.  Dawn huma n-nies li jridu l-ħajja kif kienet mingħajr l-ebda tibdil minkejja li dak it-tibdil kien pożittiv u pass ‘il quddiem biex ikollna ħajja aktar sana.

L-oħrajn sabu modi ġodda u kampaw ħafna aħjar milli kienu qabel. Dawn, l-ewwel vantaġġ li ħadu kien li ma ħadux daqqa u xokk kbir anki meta konna fl-eqqel tal-pandemija.  Biss dak il-vantaġġ ma waqafx hemm għaliex dawn komplew bit-triq li qabdu u llum u għada ser jaraw dan il-vantaġġ jikber.

Tajjeb li naraw tlett affarijiet li saru ċerti kambjamenti li nemmen li għandna nkomplu nsaħħuhom u mhux nabbandunawhom.  Bidla li saret kienet il-mod virtwali kif ħafna nies żammew kuntatt ma’ qrabathom.  Dan kien possibli għaliex użaw il-modi ġodda virtwali biex dak il-qtugħ naqqsuh sew.  

Qabel kellna t-telefon.  Illum il-mobile li l-maġġoranza tan-nies għandhom, mhux biss ħafna kienu kapaċi li jżommu kuntatt iżda li dan il-kuntatt kien ħafna aktar qrib milli sempliċiment tisma’ leħen.  Dan għaliex bil-mobile konna kapaċi li minkejja li ma stajniex inżuru lil qrabatna, xorta stajna narawhom waqt li nkellmuhom kważi kważi bl-istess mod, viċin, kif narawhom meta konna nżuruhom.  Nemmen li għandna nieħdu vantaġġ u noħolqu korsijiet speċjalment  għax-xjuħ tagħna biex dawn jitgħallmu jużaw l-apparat li għandhom b’mod aktar effettiv.  Jekk dan jirnexxielna, inkunu sibna mezz biex innaqqsu s-solitudni.

Kellek numru mhux ħażin ta’ negozjanti li minħabba d-diffikultajiet li ffaċċjaw, daħħlu wkoll fil-ħajja virtwali u llum minħabba f’hekk mhux talli qed joffru aktar servizzi, iżda saru jaħdmu b’aktar effiċjenza.  Jekk nieħdu dawk li żviluppaw il-mezzi tas-social media li diġa’ kellhom, illum jistgħu joffru dawn is-servizzi permezz ta’ komunikazzjoni online.  Dan mhux biss ser ikun vantaġġ immedjat, għaliex barra li għandhom il-ħanut, issa għandhom mezz ieħor kif jistgħu jħajru aktar nies jixtru l-prodotti tagħhom.  

Numru ta’ negozji użaw dawn il-mezzi ġodda biex anki jħaddmu lill-ħaddiema tagħhom mid-dar.  It-teleworking kien diġa’ magħna, iżda f’dan iż-żmien ħa daqqa  ‘l quddiem peress li kienu ħafna li użaw dan il-mezz waqt il-pandemija.  It-teleworking, bħal kull ħaġa oħra, għandu l-limitazzjonijiet tiegħu, iżda xorta nemmen li, jekk nużaw dan il-mezz b’mod għaqli, nistgħu mhux biss inkunu aktar effiċjenti, imma wkoll niftħu toroq ġodda għall-ħaddiema u n-negozji tagħna.  

Bħal ma ktibt, dan il-mezz kien magħna biss qatt ma tajnih dik l-importanza u għalhekk qatt ma żviluppajnih u minħabba f’hekk ħloqna ħafna dubji dwaru.  It-teleworking jibdel id-dinja tax-xogħol ta’ taħt fuq.  Biex is-sistema taħdem tajjeb, anki l-management irid jibdel is-sistema tiegħu.  Semmejt dubji dwar it-teleworking.  Għandek ħafna managers li mhux kuntenti bit-teleworking minħabba li jgħidulek li l-effiċjenza tonqos ħafna.  Fis-settur pubbliku, meta ħaddiem ikun qed jaħdem bit-teleworking, ġeneralment ikollu ftehim mal-management fuq ix-xogħol li għandu jagħmel.  Fil-fatt hu minħabba f’hekk li dan mhux effiċjenti.  Dan għaliex hu impossibli li manager jara minn qabel ix-xogħol kollu li jrid jagħmel il-ħaddiem.  Is-sistema li tintuża barra hi differenti.  Il-manager xogħlu hu differenti għaliex barra li jkun qed jagħmel monitoring il-ħin kollu tax-xogħol li qed isir, ikun jista’ jibdel ix-xogħol li qed isir kontinwament skont iċ-ċirkostanzi.  Hu b’hekk li t-teleworking ikun ta’ ġid sew għall-ħaddiema u anki għall-management.

Hemm problemi oħra li jkunu jridu jiġu solvuti bħal privatezza, sigurta’ (safety), il-ħinijiet tax-xogħol.  Biss b’daqshekk ma jfissirx li naqtgħu qalbna.  Li rridu nagħmlu hu li dawn il-problemi narawhom sfidi li nistgħu niffaċċjawhom waħda waħda.  Dawn il-bidliet ma jolqtux biss lill-management iżda anki lill-unjins peress li jkollhom idaħħlu kunċetti ġodda biex jipproteġu lill-ħaddiema f’dan l-ambjent.  

L-edukazzjoni hu qasam ieħor importanti fejn jekk inħarsu lejn id-dinja kif ser tkun – id-dinja diġitali – u jekk aħna nibqgħu nużaw mezzi diġitali fl-iskejjel u nkomplu nibnu fuq dak li bdejna waqt il-pandemija, iwassalna għal żviluppi kbar – żviluppi li għandna bżonnhom biex il-Maltin ikunu ppreparati għad-dinja t’għada.  Personalment nemmen li dan hu l-aktar qasam fejn hu importanti li nkomplu dan l-iżvilupp għax jista’ jġib titjib f’kull qasam tal-edukazzjoni.  

Huma dawn l-iżviluppi li jistgħu jwassluna biex nibnu realta’ ġdida li tipprepara lil Malta għall-futur.  L-akbar sfida għal dan hu t-tibdila li qed jagħtu ċerti nies lejn ir-realta’ li rridu mmorru fiha.  Waqt il-pandemija kulħadd kien qed jara realta’ ġdida.  Issa li qed noħorġu mill-pandemija, ħafna qed jippressaw biex nerġgħu mmorru lura għar-realta’ li konna mdorrijin biha.  Dan nistgħu nagħmluh, biss inkunu tlifna dak li konna tgħallimna waqt il-pandemija u nitilfu sew l-esperjenza u l-vantaġġi li konna ksibna.  B’hekk il-pandemija tkun biss bħal daqqa ta’ ħarta.  Iżda jekk inkomplu fuq l-esperjenzi ġodda li ksibna nkunu nistgħu niftaħru li dawwarna l-problema tal-pandemija, fi sfida li rbaħniha. 

Share With: