Ole Gunnar Solskjaer jemmen fil-potenzjal ta’ Henderson iżda ….

Ole Gunnar Solskjaer informa lil Dean Henderson li huwa mhux lest li jneħħi lil David de Gea bħala l-goalkeeper numru wieħed tar-Red Devils, David De Gea.

U l-coach Norveġiż huwa lest li jħalli lil dan il-goalkeeper ta’ 23 sena b’self għal sena oħra ma’ Sheffield United.

Henderson impressjona matul is-sentejn li qatta’ fi Bramall Lane, fejn għenhom jiksbu l-promozzjoni għaċ-Championship u ritorn fil-Premier League.

Iżda xorta waħda huwa jinsab determinat li jsir il-goalkeeper numru wieħed f’Old Trafford.

Madankollu, b’De Gea ta’ 29 sena li ffirma kuntratt ta’ erba’ snin – b’għażla li jġedded għal sentejn oħra – matul Settembru li għadda, Henderson xtaq jiffirma kuntratt twil mar-Red Devils fost interess fih minn bosta clubs oħrajn.

U waqt li Solskjaer saħaq li Henderson li ngħaqad mar-Red Devils fl-etá tenera ta’ 14-il sena, jista’ jkun il-goalkeeper titulari ta’ Man Utd fil-futur, huwa jemmen li għadu mhux lest biex jieħu post De Gea bejn il-lasti. 

Fi kliem Solksjaer innifsu: “Irridu nkunu żgur li Dean jilgħab b’mod regolari, biex ikompli jiżviluppa, u għalhekk aħna nkunu qed nagħmlu deċiżjoni dwaru iktar tard.”

“Huwa kellu sentejn fantastiċi ma’ Sheffield United u napprezaw ukoll dak kollu li għamel miegħu dan it-team. U għalhekk dik hija għażla għalih li jibqa’ ma’ Sheffield United.”

“Nemmen li huwa għad ikun il-goalkeeper numru wieħed kemm ta’ Man Utd kif ukoll tat-team nazzjonali Ingliż.”

“Iżda bejn il-lasti ta’ Man Utd, bħalissa hemm jilgħab l-aqwa goalkeeper tad-dinja fil-preżent David de Gea, liema player għadu jiżviluppa l-ħiliet tiegħu u jsir dejjem aħjar. B’hekk huwa ferm diffiċli li xi ħadd jeħodlu postu.”

Share With: