Philippe Coutinho jrid jerġa’ jingħaqad ma’ Liverpool

Philippe Coutinho jinsab lest li jkollu tnaqqis fis-salarju wara li personalment talab lil Jurgen Klopp biex jerġa’ jiffirma ma’ Liverpool. Il-ħolma ta’ dan il-player li jikseb suċċes ma’ Barcelona tinsab kważi fi preċipizju wara biss sentejn mal-Katalani.

Coutinho telaq lil Liverpool f’nofs l-istaġun 2018/19, u ġie misluf lil Bayern Munich matul is-sajf li għadda u issa jinsab għall-bejgħ. Arsenal, Chelsea, Manchester United u Leicester City, huma biss ftit clubs li offrew kuntratt lil Coutinho, iżda l-Brażiljan jidher li jinsab iddisprat li jirritorna ma’ Liverpool. 

Liverpool kellhom tnaqqis fis-somma allokata lilhom għat-trasferimenti minħabba l-pandemija tal-coronavirus u Klopp kien sfurzat li ma jagħmilx offerta għal Timo Werner. L-attakkant ta’ RB Leipzig kien it-tragward ewlieni ta’ Klopp matul dan is-sajf, iżda huwa issa se jkun qed jingħaqad ma’ Chelsea wara li s-sidien ta’ Liverpool informaw lill-manager tagħhom li ma kellhomx biżżejjed fondi għal Werner.

Li kieku Coutinho jirritorna ma’ Livepool huwa jkun qed ifisser żieda fl-ispejjeż għal Liverpool, hekk kif bħalissa ma’ Barcelona jaqla’ £250,000 fil-ġimgħa. Il-ġganti Spanjoli jinsabu lesti li jħallsu parti mis-salarju tiegħu jekk huma jibagħtu lil Coutinho b’self għal darb’oħra, iżda l-Katalani jidhru li jippreferu li jbiegħu lil dan il-player ta’ 28 sena. L-aġent ta’ Coutinho, Kia Joorabchian, ingħata r-rwol li jreġġa’ lura lil Coutinho ma’ Liverpool u għamilha ċara li l-klijent tiegħu jkun qed inaqqas is-salarju tiegħu biex jagħmel dan.

Joorabchian ripetutamet ġie kkwotat jgħid li l-preferenza ta’ Coutinho hija dik li jirritorna fil-Premier League fejn hu pproduċa l-aqwa forma tiegħu. Liverpool investew is-somma ta’ £142 miljun li rċevew mill-bejgħ ta’ Coutinho b’mod brillanti, fejn ingaġġaw lid-difensur ċentrali Virgil van Dijk u lill-goalkeeper Alisson Becker. Sa minn meta telaq Coutinho minn ma’ Liverpool, ir-Reds rebħu it-Tazza tad-Dinja tal-Clubs,  il-UEFA Champions League u l-UEFA Super Cup … u jinsabu biss żewġ rebħiet ‘il bogħod milli jirbħu l- Premier League.

Bayern Munich, liema team Coutinho jinsab misluf magħhom, jinsabu viċin li jirbħu l-Bundesliga fil-Ġermanja, iżda Coutinho għadu ma lagħabx minn meta reġa’ beda l-kampjonat minħabba li għadu qed jirkupra minn injury fl-għaksa.

Share With: