Pjan li jagħti spinta ‘l quddiem lill-ekonomija u jerġa’ jnissel fiduċja fil-konsumatur Malti

Miktub minn CLAUDIO COLEIRO

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja qal li l-għan wara l-miżuri mħabbra mill-Gvern fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, huwa li jagħti mbuttatura ‘l quddiem lill-ekonomija billi jagħti l-mezzi finanzjarji u jnissel il-kunfidenza meħtieġa fil-konsumaturi biex jerġgħu jibdew jonfqu. B’dan il-mod, il-flus ikomplu jiċċirkolaw lokalment b’dan li jkompli jgawdi kull qasam tal-ekonomija.

“Dan il-pakkett trid tarah fil-qafas tal-pakketti preċedenti. L-ikbar problema li konna qed naraw fuq bażi short-term kienet li t-turiżmu u dawk is-setturi anċillari ma kinux se jilħqu l-qofol tagħhom għalissa bil-konsegwenza ta’ instabbilità fl-impjiegi. Għaldaqstant kien meħtieġ li tinħoloq domanda interna. Is-sistema tal-vouchers se tgħin biex ikun hemm suq intern,” qal Bugeja. “Apparti hekk, il-Gvern qiegħed jgħin bit-tkomplija tal-għoti tal-wage supplement sa baġit ieħor u biż-żieda tal-in-work benefits. B’hekk qed isostni l-impjiegi tal-ħaddiema, u mhux biss dawk li jmissu mas-settur turistiku imma anke dawk li ġew imġiegħla jagħlqu.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU għamel referenza wkoll għat-traħħis fil-prezz tal-petrol u d-diżil, li fi kliemu din il-miżura se tgħin biex ikun hawn aktar flus fil-but. “Il-Gvern f’dan il-mument diffiċli, bis-saħħa ta’ ekonomija b’saħħitha li pajjiżna rreġistra, rnexxielu mhux iżid it-taxxi imma jnaqqas dawk ‘l hekk imsejħa Government Induced Costs fosthom bit-tnaqqis tal-kontijiet tal-prezzijiet fl-enerġija u liċenzji tan-negozji tagħna, traħħis tal-prezz tal-fuel.  Dan se jagħti nifs ġdid lill-industrija tagħna b’aktar likwidità li tibqa’ għal favur tal-investituri tagħna.”

Huwa żied jgħid li l-miżuri diretti fl-industrija tat-turiżmu u miżuri favur l-industrija tal-proprjetà, anke inċentivi fis-suq tal-kirjiet għan-negozji, għandhom ukoll iwasslu għal tisħiħ sħiħ favur l-impjiegi f’dawn is-setturi u riġenerazzjoni tal-fiduċja barra li għen lin-nies ukoll b’miżuri oħra mħabbra fil-pakketti preċedenti. 

“Dan għandu jwassal għal nifs ġdid lill-investituri u l-bejjiegħa f’dan is-settur b’tnaqqis fit-taxxi tal-boll u bejgħ.  Il-Gvern kien ferm għaqli li f’dan il-mument partikolari jkompli jsaħħaħ is-servizzi finanzjarji tal-pajjiż b’enfasi ta’ industriji ġodda f’dan il-qasam.”

Bugeja enfasizza wkoll li t-tkabbir ekonomiku għandu jkompli jiġi msaħħaħ bil-miżuri mħabbra fejn tnieda investiment ta’ €400 miljun fi proġetti infrastrutturali industrijali. Huwa qal li dan għandu jkompli jwassal għal ħolqien ta’ aktar impjiegi fl-innovazzjoni u riċerka fl-intelliġenza artifiċjali u software development. 

“Huwa ferm pożittiv il-miżuri mħabbra biex il-Gvern jassigura stabbiltà fil-bond market biex nevitaw kull kriżi finanzjarji li pajjiżna seta’ jaffaċċja bl-inċertezza li ħolqot il-Covid-19.”

Huwa żied jgħid: “id-defiċit ipproġettat huwa relatat ma’ investiment ġdid fil-pajjiż. Dan se jwassal għal tkabbir f’dak li jissejjaħ multiplier effect biex ir-rota ekonomika verament terġa’ tibda ddur għas-setturi ekonomiċi kollha tal-pajjiż.”

“It-tkabbir ekonomiku għandu eventwalment jinnewtralizza t-tkabbir fid-dejn nazzjonali biex il-miri fiskali tagħna jerġgħu jibdew jintlaħqu mill-aktar fis u pajjiżna jibqa’ fuq quddiem nett f’ħolqien tal-ġid. 

“Dan għandu jwassal għal aktar likwidità fil-pajjiż bir-riżultat ta’ aktar infiq domestiku li tant huwa meħtieġ biex SMEs tagħna fosthom negozji tal-Catering u Akkomodazzjoni jerġgħu jibdew jirpiljaw u joħolqu stabbiltà fl-impjiegi mill-aktar fis possibbli,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU. 

“Wara li l-pajjiż rebaħ il-battalja medika issa rridu nirbħu l-battalja ekonomika. Huwa essenzjali li jerġa’ jitnissel sens ta’ fiduċja u kunfidenza fil-ħaddema li huma wkoll konsumaturi. Dan jista’ jsir biss billi jkun hawn stabbilità fl-impjiegi. Din kienet mill-ewwel ġurnata t-talba tagħna – is-serħan tal-moħħ fl-impjiegi – għax hekk biss nistgħu noħorġu minn din il-kriżi.”

Share With: