Pjan li jinfetħu 57 ċentru ta’ Skolasajf

Tagħlaq it-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet fejn b’kollox applikaw 7,150… numru sabiħ ta’ edukaturi b’domanda biex jaħdmu mat-tfal f’dan is-sajf

Minn CARMEN CACHIA

Wara li l-iskejjel se jkunu ilhom magħluqa għal madwar tliet xhur bħala prevenzjoni mit-tixrid tal-Coronavirus, il-Gvern ħabbar li taħt protokolli mill-awtoritajiet tas-saħħa, is-servizz ta’ Skolasajf se jiftaħ mill-1 ta’ Lulju, ħmistax qabel mid-data tas-soltu. Wara li għalqet it-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet biex it-tfal jattendu l-iskola fis-sajf, it-total ta’ dawk li applikaw laħħaq is-7,150 persuna. Bi pjaċir, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici, qal li l-pjan huwa li jiftħu madwar 57 ċentri ta’ Skolasajf u li kien hemm domanda tajba ħafna mill-edukaturi biex jaħdmu mat-tfal permezz ta’ dan is-servizz.

Il-Ministru Bonnici qal lil inewsmalta li t-total ta’ dawk li applikaw din is-sena huwa marġinalment inqas mill-applikazzjoni li jkun hemm is-soltu – madwar 12,000 – iżda, “dan in-numru xorta waħda huwa b’saħtu ħafna li fil-fehma tiegħi juri l-fiduċja tal-pubbliku f’dak li aħna qegħdin nagħmlu bħala Gvern”. 

“Numru b’saħħtu ħafna li juri l-fiduċja tal-pubbliku f’dak li aħna qegħdin nagħmlu bħala Gvern” – il-Ministru Bonnici

Barra minnhekk, il-bieraħ fetħu l-applikazzjonijiet għat-tfal li huma taħt Skema 9 li se jingħataw trattament preferenzjali mil-lat finanzjarju. Il-Ministeru qiegħed ibassar li minn din is-sejħa għat-tfal ta’ Skema 9, ikun hemm madwar 200 aplikazzjoni oħra.

Il-lokalitajiet l-aktar popolari għall-familji li applikaw għal Skolasajf għal uliedhom huma San Pawl il-Baħar, il-Fgura, Mosta, Pembroke, San Gwann, in-Naxxar, iż-Żurrieq u ż-Zejtun. Min-naħa l-oħra, iċ-ċentri ta’ Attard, Mellieħa, Mosta, Mtarfa, Rabat, Zebbug, Gżira, Msida, Naxxar u San Gwann f’Malta u Għarb f’Għawdex, huma diġà mimlija.

Rigward is-saħħa u s-sigurtà għat-tfal li se jattendu Skolasajf, il-Ministru Bonnici aċċenna li f’dan l-istadju qegħdin isiru diskussjonijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa biex ikunu konklużi l-linji gwida għal dawn iċ-ċentri. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni diġà għamel l-istess proċedura dwar il-linji gwida taċ-child care centres fejn Bonnici qal li, “diġà mxejna tajjeb ħafna”.

It-tema għal din is-sena hija “My Planet My Home”, liema tema se tkun żviluppata minn aspetti differenti tul l-10 ġimgħat ta’ Skolasajf. 

“Minħabba l-Covid-19 id-dinja esperjenzat bidla… in-nies bdew japprezzaw l-ambjent u lin-nies ta’ madwarhom”

“F’dawn l-aħħar xhur, fejn id-dinja waqfet minħabba l-Covid-19, id-dinja esperjenzat bidla kemm fl-isfera tal-ambjent u anke kif in-nies bdew japprezzaw l-ambjent u lil dawk ta’ madwarhom. Is-suġġetti magħżula għat-tema “My Planet, My Home’ se jħarsu lejn aspetti differenti li jagħmlu d-dinja tagħna varjata u komda, tant li ngħajtulha d-dar tagħna,” spjega Bonnici.

Barra l-ambjent inġenerali, it-tfal se jkollhom l-opportunità li jesploraw popli u kulturi differenti, lingwi, invenzjonijiet li sawwru l-iżvilupp tal-bniedem u kif wieħed ikun ċittadin tajjeb. Din hija taħlita ta’ temi li kollha flimkien qegħdin jgħinu lit-tfal japprezzaw li d-dinja hija d-dar tagħna lkoll.

Share With: