Player ta’ Norwich City pożittiv bil-coronavirus … ismu jinżamm mistur

Player ta’ Norwich City huwa wieħed miż-żewġ persuni li ttestjaw pożittiv għall-coronavirus mill-aħħar round ta’ 1,200 test li saru mill-Premier League Ingliż.

It-testijiet saru l-Ħamis u l-Ġimgħa, bil-player li ismu nżamm mistur kien involut fil-partita li fiha Norwich għelbu lil Tottenham Hotspur f’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet fit-Tottenham Hotspur Stadium nhar il-Ġimgħa li għadda.

Spurs ikkonfermaw li ma kellhom l-ebda test pożittiv u qalu li l-player tal-Canaries ma kellux “kuntatti mill-viċin” mat-team tagħhom.

Huwa se jkun qed jiżola lilu nnifsu għal sebat ijiem.

Il-Premier League, li ilu sospiż sa mit-13 ta’ Marzu, mistenni jkompli jintlagħab bil-bibien magħluqa fis-17 ta’ Ġunju meta Aston Villa jospitaw lil Sheffied United, waqt li Manchester City jilqgħu lil Arsenal.

Il-Canaries li jinsabu sitt punti fuq iż-żona l-ħamra tar-relegazzjoni, jospitaw lil Southampton li jinsabu fl-14-il post tal-klassifika nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju fl-ewwel partita mit-tkomplija tal-kampjomat. Il-player li ttestja pożittiv għall-Covid-19 se jkun qed jitlef dik il-partita.

S’issa kien hemm 16-il riżultat pożittiv minn 8,687 test totali li saru fil-Kampjonat Premier.

Stqarrija uffiċjali minn Spurs, nhar is-Sibt li għadda, qalet li l-club kien qed isegwi d-definizzjoni tal-Gvern Ingliż ta’ “kuntatt mill-qrib” jiġifieri dak ta’ żewġ metri għal kull każ ikkonfermat għal kwarta jew iktar.

Il-club żied jgħid: “Il-player ta’ Norwich in kwistjoni kkonferma li huwa ma kellu l-ebda ‘kuntatti mill-qrib’ mat-team tagħna u l-iskwadra tagħna vverifikat dan.”

Share With: