Possibbiltá li l-partitarji Taljani jirritornaw f’Awwissu u f’Settembru

Il-Ministeru għas-Saħħa Taljan jittama li jkollu partitarji lura fl-istadiums tas-Serie A sa Awwissu u Settembru, iżda ma jeskludix Lulju lanqas, peress li l-pandemija tal-coronavirus qed tittaffa.

In-numri kienu qed jonqsu b’mod kostanti madwar il-pajjiż kollu, b’Lombardia tkun ċara iktar meta mqabbla mar-reġjuni l-oħra.

Il-miżuri tal-lockdown imbagħad qed jiġu rilaxxati, billi n-nies qed jitħallew fis-swali taċ-ċinema, teatri fil-beraħ u avvenimenti oħra sakemm jinżamm id-distanzjar soċjali.

“Aħna lkoll nirrikonoxxu li l-football mingħajr partitarji mhuwiex l-istess ħaġa,” qal is-segretarju għall-Ministeru tas-Saħħa, Carlo Sibilia.

“Noħlom li nara l-folol lura fl-istadiums, iżda rridu nkunu prudenti. Nittama li jkun possibbli li l-partitarji jirritornaw luru f’Awwissu jew f’Settembru.

“Bid-data li għandna llum, ma nkunux kapaċi niggarantixxu s-sigurtà għan-nies fl-istadiums, iżda nittama li nistgħu nkunu f’pożizzjoni li nitkellmu dwar dan sal-aħħar ta’ Awwissu,” temm jgħid Sibilia.

Share With: