Putin jiddikjara stat ta’ emerġenza wara tixrid ta’ 20,000 tunellata ta’ dijżil fiċ-Ċirku Artiku

Il-Mexxej Russu, Vladimir Putin iddikjara stat ta’ emerġenza wara li 20,000 tunellata ta’ dijżil ġew imxerrda fi xmara fiċ-Ċirku Artiku. 

Dan it-tixrid seħħ wara li reċipjent tal-fjuwil f’impjant tal-enerġija f’Norilsk ikkollassa nhar il-Ġimgħa li għaddiet. L-impjant hu operat minn diviżjoni ta’ Nornickel, li l-fabbriki tagħhom fiż-żona huma fost dawk li jniġġsu l-aktar lid-dinja. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet bil-video li ġiet trażmessa lbieraħ fuq it-televiżjoni, Putin ikkritika lill-kap tal-kumpanija sussidjarja ta’ Nornickel li hu s-sid ta’ dan l-impjant peress li l-uffiċjali tal-kumpanija tiegħu naqsu milli jirrapportaw dan l-inċident. 

Staqsieh kif l-aġenziji tal-Gvern saru biss jafu b’dak li ġara jumejn wara u dan seħħ permezz tal-midja soċjali. 

Min-naħa tagħha, il-kumpanija qalet li rrapportat b’mod tajjeb u fil-ħin. 

Il-Gvernatur tar-reġjun qal lil Putin li hu sar jaf bis-sitwazzjoni nhar il-Ħadd wara li dehret informazzjoni allarmanti fuq il-midja soċjali. 

Min-naħa tiegħu, Putin qal li hu qabel li għandu jkun hemm stat nazzjonali ta’ emerġenza biex jintalbu aktar riżorsi ħalli jsir l-isforz biex jitnaddaf dan il-post. 

Il-kumitat investigattiv Russu, li jinvestiga reati kbar, ħabbar li beda tliet investigazzjonijiet kriminali dwar dan l-inċident u żammet arrestat impjegat minn dan l-impjant tal-enerġija. 

Alexei Knizhnikov mill-World Wildlife Fund qal li kien il-grupp ambjentali li informa lill-ispeċjalisti tat-tindif, filwaqt li kkonferma dan l-inċident permezz tas-sorsi tiegħu. Spjega li hemm volumi kbar ta’ fjuwil li ħareġ u għalhekk is-sitwazzjoni ma tistax tinħeba. 

Share With: