“Qatt ma attakkajna lil ħadd b’mod personali”

L-editur ta’ IT-TORĊA Victor Vella jixhed f’kawża ta’ libell li fetħitlu Maria Pia Zammit

“Kien hemm ammont ta’ kummenti fuq dan ir-ritratt li beda jiċċirkola. Ġibna li ntqal kemm ta’ naħa u kemm ta’ oħra. Imbagħad jiddeċiedu n-nies. Ma attakkajna lil ħadd b’mod personali. Imma l-messaġġ dehrilna li kellna nagħmluh.”

Qal dan l-editur tal-gazzetta IT-TORĊA, Victor Vella, meta lbieraħ kien qed jixhed fil-Qorti fil-kawża ta’ libell li fetħitlu Maria Pia Zammit b’rabta ma’ żewġ artikli li dehru f’din il-gazzetta f’Awwissu tas-sena li għaddiet.

F’dawn l-artikli, l-editur ippubblika ritratt ta’ Zammit fejn tidher qiegħda tippoża b’simboli nazzisti, liema ritratt ittieħed backstage fi produzzjoni teatrali bl-isem ta’ Alo! Alo!, kif ukoll il-kummenti ta’ edukatur dwar l-istess ritratt.

Vella beda biex qal li huwa ilu editur ta’ IT-TORĊA għal dawn l-aħħar erba’ snin. Qal li huwa kien iddaħħal fi grupp fuq WhatsApp fejn fost affarijiet oħra beda jiġi ċċirkolat l-imsemmi ritratt u beda jissemma’ min kienet il-persuna li tidher fih u fejn kienet involuta.

“Kont smajt bis-Sinjura Zammit għax kienet tkun attivista waqt il-protesti li kienu jsiru. Ma kontx naf hux awtentiku jew imbagħbas. Li għamilt qbadt ir-ritratt u mort direttament fuq l-għaqda li bdiet tissemma, Occupy Justice,” qal Vella. 

Huwa qal li kien bagħat xi mistoqsijiet lil din l-għaqda fuq Facebook fejn staqsa jekk ir-ritratt u s-simboli li jidhru fih, kinux kuntrastanti mal-messaġġ li kienu qed jgħaddu huma bħala għaqda.

Ftit wara, huwa rċieva risposta mill-għaqda fejn qalulu li ngħata risposta u li qiegħda fuq il-Facebook ta’ Zammit. “Ir-risposta kienet marret direttament fuq Facebook u dik kienet pubblika b’ammont ta’ nies jistaqsu u jitkellmu fuq dan kollu,” qal Vella.

Huwa stqarr li fl-ewwel rapport ippubblikat kien daħħal fih ir-risposta sħiħa ta’ Zammit. Qal li wara deher dan l-artiklu, jumejn wara kien irċieva telefonata mingħand edukatur fejn ħass li kellu jqajjem il-punt li simboli ta’ dan it-tip m’għandhom qatt jintużaw.

“Aħna mhux biss għamilna l-kumment tiegħu imma wkoll ir-risposta li ngħatat mis-Sinjura Zammit. Qsamna l-ispazju ndaqs,” qal l-editur ta’ IT-TORĊA li semma kif fir-risposta li ngħatat ingħad li r-ritratt ittieħed backstage u mhux waqt il-play.

Mistoqsi għala ħass li kien rilevanti dan l-artiklu huwa qal li l-pożizzjoni bħala gazzetta dejjem kienet waħda konsistenti fejn kull minn kien tella’ dawn is-sinjali, inġabu għall-attenzjoni tal-pubbliku. “Riċentament ġibna wkoll min għamel salut nazzista fil-Belt,” qal Vella. 

Fil-kontro-eżami tiegħu, l-Avukat Joe Zammit Maempel, li qed jidher għal Zammit, staqsa lix-xhud x’kien fih kontroversjali li attriċi li qed tieħu sehem fi play tilbes skonti l-parti li se tagħmel. 

Vella wieġeb li fir-rapport kienu ppubblikati numru ta’ kummenti li ttieħdu mill-grupp tal-Whatsapp. Qal li kien kontroversjali għax qajjem reazzjonijiet diversi fejn kien hemm min qabel u min le. 

Huwa qal ukoll li: “fuq il-palk għandek udjenza quddiemek u hija play. Imma backstage hu backstage. Meta. tkellimt ma’ nies li salvaw mill-Olokawst, dejjem jgħiduli li dawn is-simboli posthom huwa biss fil-mużew.”

Mistoqsi għala ppubblika r-ritratt ta’ Zammit flimkien mal-artiklu, ix-xhud qal li: “l-messaġġ kien li rridu nuruhom. Jekk nikteb fuq ritratt, ma nurihx?”. 

Il-kawża ġiet differita għat-trattazzjoni finali għat-8 ta’ Ottubru li ġej. Victor Vella kien assistit mill-Avukat Abigail Critien.

Share With: