“Qatt m’aħna se niefqu nfittxu lit-tifla tagħna”

Pedofelu Ġermaniż huwa s-suspettat ewlieni għall-ħtif, stupru u l-qtil taċ-ċkejkna Madeleine McCann… Kriminal li ma kellux ikun fdat fis-soċjetà 

Miktub minn Carmen Cachia

Ġermaniż b’sentenza ta’ seba’ snin ħabs fuq stupru ta’ turista Amerikana fil-Portugal, li seħħ sentejn qabel l-għejbien taċ-ċkejkna Madeleine McCann, huwa s-suspettat ewlieni fil-kaz tal-istess tifla. Scotland Yard u l-pulizija Ġermaniża ħabbru li dan l-aħħar il-każ ta’ din iċ-ċkejkna kellu żviluppi importanti u informazzjoni ġdida fejn is-suspettat ewlieni issa huwa raġel ta’ 43 sena bl-isem ta’ Christian B. Il-ġenituri tat-tifla,, li kellha biss tliet snin meta għebet, ilhom għal dawn l-aħħar 13-il sena jfittxu lil binthom fejn saħqu li qatt m’huma se jaqtgħu qalbhom milli jsibuha ħajja. Huma qalu li jekk allaħares qatt jirriżulta li binthom inqatlet, almenu jixtiequ jsiru jafu l-verità biex xi darba jerġgħu jippruvaw isibu l-paċi f’qalbhom.

Il-pulizija Ġermaniża ħabbret li issa taf kif Madeleine, li għebet fit-3 ta’ Mejju tal-2007, inqatlet u l-persuna ssuspettata f’din it-traġedja huwa pedofelu li anke jitraffika d-droga. Il-predatur sesswali, li ngħata l-isem ta’ “Christian B.” minħabba liġijiet Ġermaniżi li jipproteġu l-identità, għandu għajnejh ċari, xagħru ġinġer u huwa raġel ta’ statura twila. 

Sky News qal li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu injoraw twissijiet mill-pulizija tagħhom stess. Seba’ snin ilu l-pulizija kienu diġà jemmnu li Christian B seta’ ħataf u qatel liċ-ċkejkna McCann. Il-ġurnal lokali “Der Spiegel” qal li rapport mid-detectives li kienu qegħdin isegwu lil dan ir-raġel, identifikawh bħala s-suspettat ewlieni fl-għibien tat-tifla però l-German Federal Criminal Office ma tax każ ta’ dan il-punt tant kruċjali fl-investigazzjoni. 

Is-suspettat, li jinsab fil-ħabs ta’ Kiel fit-Tramuntana tal-Ġermanja minħabba li stupra anzjana Amerikana, spiċċa investigat fuq il-każ ta’ Madeleine ukoll wara li ħabib tiegħu kixfu li qallu li kien proprju huwa li ħataf lit-tifla. 

Il-pulizija Portugiża tinsab urtata mal-awtoritajiet Ġermaniżi u Ingliżi għax fl-investigazzjoni tagħhom ma kkonsidrawx lil Christian B bħala wieħed mis-600 persuna li interrogaw. Christian B qatt ma kien issuspettat minkejja li għandu passat b’lista twila ta’ atti kriminali fosthom abbuż sesswali fuq it-tfal, pornografija ta’ minuri, stupru, serq u anke drogi.

Id-deċiżjoni tiegħu li jitlaq mill-post fejn seħħ l-għibien taċ-ċkejkna Madeleine, imlaqqma Maddie, fi Praia da Luz fil-Portugal kien ukoll dettall li kellu jqajjem suspett li kien hemm xi ħaġa tintenn.

Fi żviluppi oħra li seħħu l-bieraħ, il-Mail Online rrapportat li issa Christian B huwa ssuspettat ukoll għall-għibien ta’ tifla oħra, din id-darba tal-Ġermaniża Inga Gehricke, li kienet irrapportata nieqsa tmien snin wara Madeleine. Gehricke għebet fit-2 ta’ Mejju, 2015 u l-każ seħħ 48 mil ‘il bogħod minn fejn Christian B. kellu dar meta seħħ dan il-ħtif. B’kollox dan ir-raġel diġà huwa ssuspettat li qatel erbat itfal. Barra Madeliene u Inga, Christian B huwa investigat għall-għibien ta’ tifel ta’ sitt snin fl-1996 u l-qtil ta’ Carola Titze li għebet fl-istess sena meta kienet vaganza f’De Haan.

Predatur sesswali li ħalla diversi vittmi tul is-snin

Dan il-Ġermaniż għex għal 12-il sena Algarve fejn kien jitraffika d-droga, jisraq mid-djar u anke stupra anzjana ta’ 72 sena li kienet fuq btala fil-post. Il-prosekutur Ġermaniż, Hans Christian Wolters, f’konferenza tal-aħbarijiet qal li, “naħsbu li Madeleine McCann hija mejta u qiegħdin infittxu xiehda li lesti li jitkellmu. Is-suspettat għal dan il-qtil huwa predatur sesswali li diġà kien instab ħati ta’ diversi offiżi kriminali fosthom fastidju sesswali fil-konfront ta’ bniet”.

L-iżvilupp pożittiv fil-każ ta’ Maddie seħħ fl-2017 meta allegatament Christian B ammetta ma’ sieħbu li kien huwa li ħatafha. Id-diskursata b’ħanut tax-xorb bdiet wara li fuq it-televiżjoni ttella’ ritratt tal-vitma biex ifakkru l-10 anniversarju mill-għibien tagħha. Huwa rrapportat li barra li ammetta għal dan l-att mostruż, Christian B anke wera lil sieħbu vidjow li fih jidher jistupra mara. 

Il-ħabib ta’ Christian B mill-ewwel mar jirrapporta dak kollu li sar jaf lill-pulizija u kien biss wara li saru tliet snin ta’ investigazzjonijiet, li l-awtoritajiet ħarġu din l-informazzjoni lill-pubbliku. Issa l-awtoritajiet ħabbru li qegħdin joffru premju ta’ €10,000 lil min jagħtihom provi biżżejjed li juru li l-Ġermaniż kien responsabbli għall-qtil taċ-ċkejkna Madeleine.

Il-pulizija Ġermaniża qalet li hija qiegħda titratta dan il-każ bħala omiċidju u qalet li taf kif inqatlet Maggie. Huma qalu wkoll li ma jaħsbux li dan kien każ ta’ qtil premeditat anke minħabba l-fatt li r-raġel kemm-il darba nstab ħati ta’ serq u sgass fi proprjetajiet privati. 

Christian B, li nstab ħati għall-ewwel att kriminali sesswali tiegħu fl-età ta’ 17-il sena lura fl-1994, huwa rrapportat li kien involut f’attivitajiet kriminali oħra sa minn aktar kmieni, jiġifieri ta’ 15-il sena meta beda jidħol fid-djar biex jisraq. 

Il-ġurnal Speigel ħabbar li s-suspettat fil-qtil ta’ din it-tifla kien instab ħati għal 17-il reati oħra fil-Ġermanja li jinkludu abbuż sesswali fuq it-tfal, pornografija tat-tfal, sewqan bla liċenzja, ġlied, serq u sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Rapporti fuq ġurnali Ġermaniżi qalu li f’Marzu 2008 Christian B instab ħati wkoll għal traffikar ta’ droga u fl-2015 talli attakka persuna.

Il-ġenituri tal-vittma, Kate u Gerry, fi stqarrija qalu li l-unika ħaġa li dejjem xtaqu kienet dik li jsibu lil binthom, isiru jafu l-verità u li dawk responsabbli jingħataw il-piena xierqa meta jidhru quddiem il-ġustizzja.

Christian B qiegħed ikun investigat mill-awtoritajiet ta’ Braunschweig minħabba li dan kien l-aħħar post ta’ residenza tiegħu. Il-pulizija lokali qiegħda tipprova ssib mara li kienet tgħix miegħu f’dar fejn il-familja ta’ McCann kienet tirrisjedi. 

Is-suspettat fil-każ ta’ Madeliene twieled il-Ġermanja fl-1976 iżda fl-adoloxxenza mar jgħix fil-Portugal. Jingħad li huwa kien jieħu gost jittortura lill-vittmi tiegħu u dan huwa kkonfermat mit-turista anzjana li stupra, kif ukoll minn vidjow li fih jidher jistupra mara oħra.

Il-ġurnal “Daily Mail” irrapportat li l-pulizija pajżana fil-Ġermanja jemmnu li għandhom biżżejjed provi biex jakkużaw lis-suspettat bil-qtil taċ-ċkejkna McCann. Pedofelu ieħor Ġermaniż, Martin Ney, kien preċedentement investigat fil-każ ta’  Madeliene, iżda wara ġie eskluż mil-lista tas-suspettati.

13-il sena ta’ investigazzjonijiet…

Fit-28 ta’ April, 2007 il-familja McCann siefru fuq btala fl-Ocean Club Complex f’Praia da Luz. Ftit ġranet wara, fit-3 ta’ Mejju, xid-9.30 ta’ bil-lejl, Madeleine ma nstabitx rieqda fis-sodda tagħha meta l-ġenituri tagħha daħlu lura minn ikla f’ristorant viċin. L-għada l-pulizija Portugiża bdiet tinvestiga l-każ u l-koppja McCann jagħmlu appell iddisprat għal informazzjoni dwar binthom. L-omm, Kate, dehret iżżomm il-ġurgarell favorit taċ-ċkejkna f’idejha waqt dan l-appell.

Erba’ xhur wara, f’Settembru, il-pulizija niżżlu lill-ġenituri tat-tifla bħala persuni ssuspettati fl-għibien ta’ binthom sakemm fid-29 ta’ Novembru tal-istess sena, sid ħanut lokali tal-pizza, George Brook, qal lill-midja Ingliża li għodwa minnhom, madwar xis-6.00 ta’ filgħodu, kien ra raġel b’dehra suspettuża iġorr tifla lejn il-marina. Huwa qal li l-pulizija Portugiża ma tatx każ ir-rapport li huwa kien għamel dwar dan. 

Sentejn wara, fis-6 ta’ Mejju tal-2009 il-koppja McCann kienu mistiedna fil-programm ta’ Oprah Winfrey fejn għadd ta’ xiehda ċemplu u qalu li ftit ġranet qabel ma għebet iċ-ċkejkna Maddie, huma kienu raw raġel “ikrah b’xagħar iswed” li kien qiegħed isus madwar l-appartament li kienu residenti fih il-familja McCann. 

F’Awissu imbagħad il-pulizija qalet li qegħdin ifittxu mara li tixbah lil Victoria Beckham b’konnessjoni ma’ dan il-każ. 

Għaddew kważi sentejn oħra fejn fit-13 ta’ Mejju, 2011, il-Prim Ministru David Cameron talab lill-pulizija ta’ Londra biex jgħinu fl-investigazzjonijiet tal-każ ta’ Madeliene. F’April ta’ wara fil-fatt Scotland Yard qalet li t-tifla għandha mnejn għadha ħajja u ħarġu sketch tagħha bil-kompjuter. Sena wara bdiet operazzjoni investigattiva kbira biex ikun solvut dan il-każ.

Fl-14 ta’ Ottubru tal-2013 il-pulizija xandru ritratt ta’ xbieha ta’ raġel mibnija fuq id-deskrizzjoni mogħtija minn xiehda li rawh iġorr tifla bjonda viċin fejn kienet toqgħod il-familja McCann. Ġimgħatejn wara l-pulizija Portugiża reġgħet fetħet il-każ ta’ Madeleine wara li stħarriġ intern wassal għal żviluppi u xiehda ġodda. 

Fid-19 ta’ Marzu 2014 il-pulizija Ingliża ħabbret li qiegħda tfittex raġel ta’ karnaġġjun skura b’xagħar imberfel kannella u twil wara li raġel b’dik id-deskrizzjoni bejn l-2004 u l-2010, abbuża sesswalment minn ħamest ibniet fis-sodod tagħhom stess.

F’Ottubru tas-sena ta’ wara n-numru tal-pulizija li kienu qegħdin jaħdmu fuq il-każ ta’ Maddie naqas minn 29 għal erbgħa biss. Fit-3 ta’ April 2016 Theresa May, li dak iż-żmien kienet Segretarju tal-Istat, allokat aktar fondi lil Scotland Yard (€106,000) bil-għan li jkomplu jfittxu lil Madeliene.

F’Marzu tal-2017 il-korp tal-pulizija jingħata €95,000 biex iżid t-tfittxija tat-tifla, magħrufa bħala “Operation Grange” li ġiet ukoll estiża għal sitt xhur fuq il-perjodu mogħti oriġinarjament. 

F’Mejju tal-istess sena, rapport sigriet mill-awtoritajiet qal li Gerry u Kate saħqu li kienu trattati ħażin mill-pulizija Portugiża. Dan seħħ allegatament mill-bidu tal-investigazzjonijiet meta għebet binthom. Il-ġenituri qalu li tilfu l-kuntatt mal-awtoritajiet Ingliżi u li ma baqgħux jaqsmu magħhom l-informazzjoni li kienu jiksbu mill-investigaturi privati tagħhom. 

Lejn l-aħħar tas-sena 2018 il-grupp ta’ pulizija kien qiegħed jinvestiga l-każ ta’ Madeliene ngħata aktar fondi mill-gvern (€167,000). Fl-4 ta’ Mejju 2019, qattiel ta’ tfal ta’ nazzjonalità wkoll Ġermaniża, Martin Ney, li kien jixbah l-isketch maħluq mill-awtoritajiet permezz ta’ programm fuq il-kompjuter, sar uffiċjalment is-suspettat ewlieni fil-każ ta’ Maddie.

F’Ġunju tas-sena l-oħra Scotland Yard ingħatat €335,000 oħra biex tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha sakemm din il-ġimgħa ħarġet b’dawn id-dettalji ġodda. Scotland Yard qiegħda tagħfas ħafna wkoll fuq żewġ vetturi – vann tal-ikkampjar u Jaguar. Dan il-vetturi kienu intlemħu fl-inħawi meta għebet iċ-ċkejkna Madeliene u ttieħdu mill-awtoritajiet għall-eżamijiet forensiċi. S’issa għadu ma rriżulta xejn li juri li l-vittma kienet fihom.

Share With: