Tinżamm arrestata wara li nqabdet b’72 pakkett ta’ droga

Roxanne Grech ta’ 29 sena residenti l-Imsida nżammet arrestata wara li ġiet mixlija bil-pussess tad-droga eroina u kokaina, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħha. Hija kienet arrestata l-Erbgħa filgħodu fl-akwati tal-Pixkerija fil-Belt Valletta. Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga flimkien ma’ dawk tar-Rapid Intervention Unit kienu waqqfu vettura li fiha kien hemm il-mara.

Minn tfittxija li saret, il-Pulizija sabu 72 pakkett b’sustanza suspettata li hija kokaina u eroina. Grech tressqet quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri llum fejn wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha, bl-Avukat Arthur Azzopardi, li qed jidher għaliha, jitlob li din tingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest. L-Ispettur Justine Grech, li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni f’dan il-każ, qalet li l-Pulizja kienu arrestaw lill-mara wara li rċevew informazzjoni kunfidenzjali li hija kienet involuta f’ċirku tad-droga.

“Minkejja li kkoperat mal-Pulizja, il-fatt jibqa’ li l-mara kellha fuqha 72 pakkett bid-droga waqt l-arrest,” tenniet l-Ispettur Grech. Kien għalhekk li hija qalet li kienet qiegħda toġġezzjona għal-libertà proviżorja. Wara li sema’ ż-żewġ naħat, il-Maġistrat Camilleri ċaħad it-talba tad-Difiża minħabba li ma kienx konvint li l-mara kienet se toqgħod għall-kundizzjonijiet li timponi l-Qorti.

Share With: